L-Arti u l-Kultura llum saru żewġ oqsma li pajjiżna qed jagħmel suċċess kbir fihom. Mhux minn dejjem kien hekk. Bejn l-2008 u l-2013, l-ekonomija tal-pajjiż kienet batuta ħafna u l-investiment f’dawn iż-żewġ oqsma kien wieħed pjuttost miżeru.
L-affarijiet bdew jinbidlu fl-2013, meta Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat reġa’ ta’ spinta lill-ekonomija biex illum, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, Malta għandha l-aktar ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla fl-UE. Mhux biss, illum pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.
Ekonomija tajba fissret li l-pajjiż jista’ jinvesti f’għadd ta’ oqsma, u fost l-oqsma li pajjiżna investa b’mod qawwi fihom fl-aħħar snin, hemm il-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Kien hemm żmien f’pajjiżna meta kienet xi ħaġa rari li persuna tagħmel karriera f’dawn l-oqsma. Illum ma għadhiex il-każ. Bosta huma l-artisti u l-kreattivi Maltin li qegħdin jagħmlu karriera mill-arti u l-kultura.
Gvern Laburista, f’dan il-qasam, taħt it-tmexxija tal-Ministru Owen Bonnici, qed iwettaq rivoluzzjoni f’dawn l-oqsma.
Biżżejjed wieħed isemmi l-proġett massiċ tal-MICAS, l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’pajjiżna. Dan poġġa lil Malta fuq il-pjattaforma internazzjonali tal-arti kontemporanja.
Imma mhux biss. Saru ħemel ta’ proġetti f’dawn l-oqsma fl-aħħar snin. Is-sena li għaddiet waħedha kienet sena rekord ta’ investiment f’dawn l-oqsma.
Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura qed jiċċelebra 10 snin mit-twaqqif tiegħu. Is-sena l-oħra, ħareġ għexieren ta’ programmi ta’ fejda għall-artisti lokali. Ma’ dawn, kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna fil-Biennale tal-Arti ta’ Venezja, l-akbar wirja tal-arti fid-dinja. Din is-sena, għall-ewwel darba, pajjiżna se jieħu sehem fil-Biennale tal-Arti ġewwa l-Korea t’Isfel.
Għall-ewwel darba ġie wkoll organizzat il-Biennale ta’ Malta, suċċess straordinarju li ġibed lejh eluf ta’ Maltin u turisti.
Ħidma importanti li qed issir b’riżq il-wirt kulturali imprezzabbli ta’ pajjiżna hija l-ħidma mwettqa minn Heritage Malta. Saru proġetti estensivi ta’ restawr fosthom fil-Palazz tal-Gran Mastru u fil-Mużew Marittimu. Din is-sena se naraw xogħol estensiv ta’ restawr f’Villa Guardamangia, ġewwa l-Pietà, li fiha kienet toqgħod il-Prinċipessa Eliżabetta li wara saret ir-Reġina Eliżabetta II.
Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni temm b’suċċess diversi proġetti ta’ restawr li saru f’lokalitajiet differenti madwar Malta, fuq knejjes, swar, u monumenti oħra. Din is-sena hu stmat li se jsiru xejn anqas minn erbgħin proġett ta’ restawr madwar il-gżejjer Maltin.
Proġett ieħor li tħabbar is-sena li għaddiet, u li se jibda din is-sena, huwa dak tal-Culture Hub ġewwa l-Marsa. Hawnhekk se naraw it-twettiq ta’ ċentru tal-arti u l-kultura li minnu se jgawdu l-artisti lokali, mhux l-inqas id-dilettanti tal-Karnival li fl-aħħar se jkollhom post minn fejn jaħdmu kif jixirqilhom.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed twettaq xogħol imprezzabbli b’riżq il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Rajna kunċerti tal-ogħla livell fosthom ‘L-Għanja li Ħadd ma Jsikket: Ray Mahoney’, il-‘Valletta Green Festival’, u l-‘Valletta Pageant of the Seas’. Din is-sena se naraw aktar.
L-istess Festivals Malta, li l-attivitajiet tagħha qed jiġbdu eluf ta’ Maltin u turisti.
L-oqsma tal-Arti u l-Kultura għaddejjin minn żmien sabiħ ħafna. Hemm entużjażmu kbir fihom. U hemm rieda politika qawwija li dawn ikomplu jissaħħu.