Sunday, November 24, 2024

Żminijiet impenjattivi għall-Malta Bankers’ Association

Aqra wkoll

Il-Malta Bankers’ Association (MBA) għadha kemm kellha perjodu mill-iktar impenjattiv, filwaqt li kompliet tiffinalizza eżerċizzju ta’ ristrutturar li kien mibdi lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.

Bejn it-13 u l-14 ta’ April, l-MBA ospitat membri tal-Estonian Banking Association u banek membri tagħha għal programm intensiv ta’ jumejn. L-aġenda kienet iffukata prinċipalment fuq AML, CFT, kriminalità finanzjarja u monitoraġġ tas-sanzjonijiet, u saru wkoll laqgħat mal-MFSA, l-FIAU, is-Sanctions Monitoring Board, speċjalisti tal-industrija u banek membri tal-MBA.

Din is-sena, għall-ewwel darba, l-MBA kellha programm ta’ taħriġ maħsub speċifikament għad-Diretturi Mhux Eżekuttivi tal-banek (NEDs). Dan l-avveniment, li sar bejn il-5 u s-6 ta’ Ġunju, ġie mħejji flimkien mal-Institute of Financial Services (IFS) Malta u l-London Institute of Banking & Finance (LIBF), u kien appoġġjat mill-MFSA. Il-programm kien immexxi mis-Sur Andrew Cunningham mil-LIBF, speċjalista fil-governanza korporattiva, r-riskju bankarju u r-regolamentazzjoni. Madwar 40 parteċipant attendew għall-avveniment ta’ suċċess kbir li kien jinkludi wkoll sessjoni ta’ diskussjoni minn panel magħmul minn professjonisti veterani fis-servizzi finanzjarji.

Sadanittant, l-MBA nediet formalment ir-ristrutturar tal-operazzjonijiet u l-flussi ta’ ħidma tagħha. Dan l-eżerċizzju kien maħsub mill-MBA biex tiżgura kopertura aħjar tal-industrija dinamika li fiha joperaw il-banek membri tagħha. Għal dan il-għan, l-MBA adottat Statut ġdid li formalment ħoloq sitt Kumitati Permanenti magħmulin minn esperti li jirrappreżentaw lill-banek membri kollha.

Waqt li faħħar dawn l-iżviluppi, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Karol Gabarretta qal: “Bl-implimentazzjoni prattika tal-istatut il-ġdid tagħna u l-proċess ta’ ristrutturar, infittxu li nagħmlu l-Assoċjazzjoni aktar proattiva u li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-banek membri tagħna u s-swieq li jaqdu. Nittamaw li nkomplu nsarrfu dan f’aktar promozzjoni, attivitajiet u impenn għall-ġid tas-settur bankarju, l-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-pubbliku inġenerali.”

Sport