L-Organizazzjoni Xellugija Żminijietna qed tħeġġeġ biex is-sena d-dieħla tiddaħħal sistema ġusta fejn il-ħaddiema jkunu awtomatikament msieħba f’unjin.
Żminijietna żiedet tgħid li dan jista’ jinkiseb billi jiġu introdotti ftehimiet settorjali f’oqsma fejn il-ħaddiema huma b’pagi baxxi u mhux rappreżentati.
“B’dan, Żminijietna qed tirreferi l-aktar għal ħaddiema li jaħdmu bħala food couriers, ‘care workers’ u Y-Plates. Bl-istess mod, dan jista’ jinfirex għal setturi oħra inklużi l-industrija tal-fast food chain”, kompliet l-organizzazzjoni xellugija.
Żminijietna kompliet tgħid li dan il-mudell diġà qed jiġi implimentat f’diversi pajjiżi Ewropej fosthom l-Italja, in-Norveġja u d-Danimarka. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll ħarġet tfaħħar dan il-pass. Fl-Ewropa hemm madwar 5.5 miljun ħaddiem ‘food delivery couriers’.
Żminijietna temmet tgħid li l-argument imqajjem mill-istess kumpaniji għal aktar flessibbiltà tax-xogħol jista’ jinftiehem, iżda l-prinċipju tal-flessibbiltà b’sigurtà għandu jibqa’ l-bażi ta’ dan. “Malta għandha titbiegħed minn sistema ekonomika bbażata fuq tellieqa għall-qigħ”.