Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli erba’ snin u kont immur għat-taħriġ ma’ sħabi fl-Akkademja ta’ Hibernians FC. Minn hemm ‘il quddiem, qatt ma ħarist lura!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Kalkara United FC bdiet sitt snin ilu meta kont għadni t- tieni sena minors tiegħi. Dan il-klabb ifisser ħafna għalija għaliex nofs ħajti qattajtha l-Kalkara man-nanniet tiegħi u n-nannu (li m’għadux magħna) dejjem xtaqni nkun parti minn din l-iskwadra u dejjem kien jiġi jarani kull logħba. Minn dakinhar li jien dħalt f’dan it-tim dejjem tajt kollox għall-klabb għax inħossni qed nilgħab għal pajjiżi avolja jien m’inix minn hemm. Preżentement, ninsab kuntent ħafna fl-iskwadra tal-kbar. Issa li ilni ħames snin nitħarreġ dejjem magħhom drajt ir-rwol tiegħi u dejjem nagħmel minn kollox biex nagħti sehemi għal dan it-tim.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
It-tim kien wieħed magħqud hekk kif is-sena l-oħra l-għan tagħna kien li niġu mal- ewwel erbgħa imbagħad nieħdu l-play-offs logħba b’logħba. Għalkemm ma tlajniex ma ħassejniex li kien staġun ħażin u rajnih pożittiv ħafna. L-aqwa ħaġa li kellna kienet l-għaqda bejn il-plejers kollha li kienet ferm differenti minn snin ta’ qabel.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej biex nagħmluh wieħed pożittiv u nikkompetu biex niksbu l-promozzjoni, filwaqt li naħdmu kemm nifilħu biex inkunu wieħed mill-aqwa timijiet fil-Kampjonat.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell dejjem qed jiżdied fil-preżent. Ovvjament dejjem jista’ jkun aħjar imma dawn l-affarijiet jieħdu ħafna ħin u jrid jiġi mingħand kulħadd u mhux minn plejer wieħed biss imma minn tal-madwar kollu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds huma li huma sfortunatament. Ħafna grawnds jistgħu jkunu aħjar u iktar addattati għall-plejers imma nista’ ngħid li xogħol sar ftit biex jirranġaw dawn l-affarijiet iżda xorta għadhom lura. Il-grawnd fejn nitħarrġu aħna l-istess jonqsu ftit xogħol biex ikun aħjar imma għallinqas għandna kollox li nixtiequ.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi hu wieħed sempliċi ħafna – li ntejjeb lili nnifsi sena wara l-oħra u li għallinqas darba f’ħajti nilbes il-flokk prestiġjuż ta’ pajjiżi mqar darba!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Biex tagħmel suċċess fil-futbol irid ikollok mentalitá tajba ħafna li int jiġri x’jiġri dejjem tqum minn kull intopp u tibqa’ taħdem għalik innifsek. Ħa ssib ħafna min jipprova jagħmillek il-ħsara u ma tridx tħallihom jaqtgħulek qalbek għax fl-aħħar mill-aħħar qed tagħmel il-ħaġa li tħobb! Żomm f’rasek li int tista’ tagħmel kollox li toħlom għalih u jkollok suċċess żgur!