Friday, May 30, 2025

Żomm il-ħolma ħajja.  Aħdem u agħmel sagrifiċċji. Imma fuq kollox, qatt titlef l-imħabba tiegħek għall-ġiri – Donatella Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Ma nistax ngħid li kelli mħabba personali lejn l-atletika minn meta kont żgħira, imma illum nista’ nifhem għaliex ħafna nies jiżviluppaw passjoni kbira għaliha! Ħafna drabi, l-imħabba lejn l-atletika tibda minn esperjenza żgħira – forsi ġirja li tagħti sens ta’ libertà lilek inifsek. Ghalija din l-imħabba kibret mal-ħin – kibret meta bdejt nara progress personali, bdejt nifhem id-dixxiplina li teħtieġ, u napprezza s-sbuħija ta’ libertá li nħoss waqt li nkun qed niġri.

Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fl-XTERRA Gozo. Agħtina iktar dettalji.

Din kienet it-tieni esperjenza tiegħi fl-XTERRA Gozo Ultra Trail 50K. Peró, din is-sena kienet waħda li qatt ma jien ħa ninsa. Minn x’ħin ħadt l-ewwel pass ġo Għajnsielem, kont naf li din ma kinitx se tkun sempliċiment tellieqa – din is-sena kienet sfida personali. It-temp kien brutali imma sabiħ, il-korsa tad-dawra ta’ Għawdex fiha għoljiet qawwija, terran iebes u anke tekniku f’ċerti postijiet, imma fuq kollox xenarji li jħalluk bla nifs! Kull kilometru kien battalja mentali din is-sena, iżda wkoll kien mument ta’ riflessjoni lejn kif il-ħajja tista’ tinbidel f’sekondi. Meta wasalt fil-linja finali, ġismi kien għejja iżda qalbi kienet mimlija sodisfazzjon u ferħ u dak il-ħin ħassejtni iktar b’saħħti minn qatt qabel ghax għalkemm għaddejt minn sfidi personali ftit ġimgħat qabel, xorta rnexxieli nasal – b’saħħa, determinazzjoni u qalb li ma ċedietx! Għalija din tibqa’ l-isbaħ tellieqa li għandna ġewwa l-gżejjer tagħna!

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Wieħed mill-akbar suċċessi għalija jibqa’ meta fl-2018 ilbist il-flokk ta’ Malta – mument ta’ unur u kburija li jibqa’ miegħi għal dejjem. Dik is-sena kienet ukoll l-aqwa waħda tiegħi fl-atletika f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħinijiet.

S’issa għamilt seba’ maratoni u diversi ultra trails, u nista’ ngħid biċ-ċertezza li l-isbaħ distanza għalija tibqa’ l-maratona. Il-maratona nħossha hija l-bilanċ perfett bejn saħħa fiżika, kontroll mentali u passjoni għall-ġiri.

Peró, kull tiġrija ġġib magħha sfida ġdida u fiha l-istorja tagħha u għalija kull waħda minnhom dejjem tkun pass ieħor tal-imħabba tiegħi għal dan l-isport.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika f’Malta żgur li qed jitjieb – qed naraw aktar involviment minn nies, aktar prestazzjonijiet tajba minn atleti Maltin anke barra minn xtutna. Inħoss li hemm progress ċar fl-atletika f’Malta, u j’Alla dan il-progress ikompli jikber u jkollna aktar opportunitajiet speċjalment għall-atleti żgħażagħ.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-livell qed jitjieb, imma l-faċilitajiet għadhom limitati. Jekk verament nemmnu fil-futur tal-atletika f’Malta, naħseb li rridu ninvestu aktar f’postijiet, aktar faċilitajiet u riżorsi għat-taħriġ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Meta nħares lejn il-futur tiegħi fl-atletika, nixtieq inkompli nesplora f’distanzi itwal, bħal ‘ultra marathons’ u forsi ‘trails’ aktar diffiċli barra minn Malta. Iżda l-għan ewlieni għalija jibqa’ li nibqa’ nħoss il-ferħ u l-passjoni għall-ġiri – għax mingħajr il-passjoni, xejn ma jibqa’ jagħmel sens. Din il-passjoni hija dik li tmexxini ’l quddiem, anke meta l-kilometri jkunu twal u l-ġranet diffiċli. Irrid nibqa’ nħobb kull pass li nagħmel fit-triq tiegħi!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Lil min jixtieq jagħmel karriera fl-atletika, ngħidlu b’qalbi kollha: mur warajha!

Se jkun hemm ġranet li tħossok bla enerġija, ġranet li tistaqsi lilek innifsek jekk hux verament ta’ min jgħaddi minn dan kollu – imma hemmhekk, f’dawk il-mumenti, hu fejn titwieled il-vera saħħa li jaghtik dan l-isport.

Jiena għaddejt minn sfidi, minn fallimenti, minn tbatija … imma l-ġiri dejjem baqa’ hemm għalija, il-giri huwa parti min hajti, il-giri jgħallimni jien min jien, jiġbidni lura meta nitbiegħed minni nnifsi u jurini li akkost ta kollox nista nasal fejn nixtieq. Mhux il-midalji jagħmluk atleta – imma l-qalb li tkompli tħabbat!

Żomm il-ħolma ħajja. Iva, aħdem. Iva, agħmel sagrifiċċji. Imma fuq kollox: qatt ma titlef l-imħabba tiegħek għall-ġiri. Għax meta tħobb dak li qed tagħmel, is-suċċess isibek hu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport