It-tisbiħ fiċ-ċentru tal-Mosta u l-madwar kompla għaddej hekk kif fl-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intensifika x-xogħlijiet ta’ tisbiħ f’żona pedonali ġdida li tgħaqqad mal-Masterplan tal-Pjazza tal-Mosta.
Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ fi Triq Kurat Calleja u f’parti minn Triq it-Torri, żewġ toroq li jwasslu għaċ-ċentru tal-Mosta, qegħdin jinbidlu f’żona pedonali isbaħ u aktar aċċessibbli.
Fi żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia akkumpanjat mis-Sindku Joseph Gatt, spjega kif fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi beda sensiela ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ f’numru ta’ żoni u sqaqien madwar Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spjega kif, “F’Ħaż-Żabbar, f’Ħal Kirkop u issa anke fil-Mosta, embarkajna fuq sensiela ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ f’numru ta’ sqaqien u żoni pedonali li jwasslu lir-residenti u lil kull min iżur dawn il-lokalitajiet għaċ-ċentru tal-lokal.”
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia temm jgħid li x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Mosta bħalissa, u li qegħdin isiru b’investiment ta’ kważi nofs miljun, ser jingħaqdu mal-kumplament tal-Masterplan tal-Pjazza tal-Mosta, liema proġett kien imwettaq minn dan il-Gvern.