Miktub Minn VICTOR VELLA
Il-park tal-Inwadar bejn ix-Xgħajra u l-Inwadar jinsab f’kontroversja u dan hekk kif proposta li qed issir biex ikun hemm żona ta’ rikreazzjoni u żona għal BBQ’s qed tqajjem oġġezzjonijiet mis-Sovrantendenza għall-Wirt Storiku. Filfatt is-Sovrantendenza qed tqis din l-applikazzjonijiet bħala li mhix aċċettabbli minħabba li dak propost hu qrib ħafna ta’ fortifikazzjonijiet li hemm fiż-żona.
Il-proposta hi dwar żona fil-parti magħrufa bħala Għar id-Duħħan. F’din iż-żona hemm għadd ta’ fdalijiet militari u li dawn huma skedati fi Grad 1.
Il-proposta biex fil-park ikun hemm din iż-żona ta’ rikreazzjoni flimkien ma’ pjattformi għal BBQ’s wasslet għal oġġezzjonijiet mis-Sovrantendenza. Din qed isostni li fejn huma proposti hi żona li għandha importanza sinifikanti.
F’ittra dettaljat li kitbet is-Sovrantendenza u li intbagħtet lill-Awtorità għall-Ippjanar intqal li l-iżvilupp propost se jkollu impatt inevitabbli fuq dik li tissejjaħ ‘glacis’ art imżerżqa li ssibha madwar il-fortizza. Qed jintqal ukoll li dak propost se jsir f’żona li għadha mhix żviluppata. Għal dawn ir-raġunijiet, is-Sovrantendenza qed tqis din l-applikazzjoni bħala inaċċettabbli. Is-Sovrantendenza qed tħeġġeġ lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta din l-applikazzjoni. Hi qed tħeġġeġ lill-awtorità biex timplimenta l-politika tagħha u tiżura l-protezzjoni għal ambjent naturali u storiku.