Tuesday, November 4, 2025

Żona żviluppabbli f’Ħal Lija qed tiġi trasformata fi spazju miftuħ għan-nies

Aqra wkoll

Minn art li setgħet tiġi żviluppata, għal ġnien miftuħ biex jitgawda minn kulħadd. Ix-xogħlijiet fuq Ġnien Merino f’Ħal Lija għaddejjin b’ritmu mgħaġġel sabiex din l-art, minflok tinbena, ssir spazju miftuħ għal kulħadd, fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jistrieħu u jgawdu dan l-ambjent.

Dan ġie spjegat waqt żjara fuq is-sit mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli. Preżenti kien hemm ukoll it-tim ta’ Project Green u s-sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli flimkien ma’ membri oħra tal-Kunsill.

“Din hija art li qed tingħata lura lin-nies minflok għall-iżvilupp. Qed inwettqu dak li wegħidna u din l-art issa qed tiġi trasformata fi spazju miftuħ fejn madwar 1,260 resident jistgħu jaslu għalih f’10 minuti mixi. Filwaqt li nagħtu prijorità lit-tfal u l-familji, qed inkomplu naħdmu biex aktar nies joħorġu u jgawdu dawn l-ispazji miftuħa fejn jitkellmu u jissoċjalizzaw flimkien,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

F’dan l-ispazju se jitħawlu diversi siġar u se ssir reflexology path, tip ta’ passaġġ li huwa aktar rilassanti għal min jimxi fuqu. Il-mogħdijiet f’dan il-ġnien se jkunu magħmulin minn ħamrija kumpatta u se jkunu aċċessibbli kemm għal siġġijiet bir-roti kif ukoll push chairs.

Dan il-proġett jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-ħajja tradizzjonali tal-qalba tal-irħula Maltin, fejn l-anzjani kienu u għadhom joħorġu barra fit-triq bil-banketta sabiex jitkellmu u jissoċjalizzaw. L-ispeċi ta’ siġar magħżula għal dan il-ġnien jirriflettu r-rabta tal-villaġġ mas-siġar taċ-ċitru, filwaqt li l-karatteristiċi eżistenti fil-ġnien se jiġu restawrati b’attenzjoni. Il-ħajt li qabel kien jaħbi dan il-ġnien, se jiġi rridisinnjat b’bażi ta’ ġebla ta’ metru u fence tal-ħadid maħdum fuqha; stil tipiku tad-djar fil-qalba tal-irħula fil-UCA. B’mod ġenerali, il-proġett qiegħed jirrestawra u jagħti ħajja ġdida lil dan il-ġnien bħala spazju komunitarju li jibbilanċja t-tradizzjonijiet, elementi arkitettoniċi tipiċi Maltin, u l-aċċessibbiltà.

Il-Project Manager ta’ dan il-proġett, Tristjan Nikolic stqarr li, “Din l-art qatt ma kienet aċċessibbli għan-nies u għalhekk, qed naraw li nerġgħu nagħtuha l-ħajja sabiex jitgawda minn kulħadd. Ix-xogħlijiet tal-proġett jinkludu t-twaqqigħ ta’ strutturi perikolużi, ir-restawr ta’ elementi ta’ valur storiku, it-tħawwil ta’ siġar ġodda, u titjib fl-aċċessibbiltà tas-sit għal persuni b’diżabilità. Dawn ix-xogħlijiet jeħtieġu koordinazzjoni b’ċertu reqqa u preċiżjoni, speċjalment meta nittrattaw materjal ta’ wirt storiku. Il-biċċa l-kbira tat-twaqqigħ tlesta, u bdejna skavar żgħar biex nippreparaw għall-pedamenti tal-ħajt tal-perimetru, li se jissostitwixxi l-ħajt qadim li kien qed jaħbi ġawhra f’Ħal Lija. Issa l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi s-sbuħija tas-sit anke minn barra.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport