Sunday, November 9, 2025

Żurrieq FC isaħħaħ in-nursery tiegħu permezz ta’ fondi Ewropej

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-klabb sportiv ta’ Żurrieq Football Club, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar l-impenn tal-klabb u n-nursery li, bl-appoġġ tal-Programm Erasmus+ u ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), wettaq inizjattiva ta’ taħriġ speċjalizzat u inizjattivi ta’ inklużjoni fis-settur sportiv biex jogħla l-livell tat-taħriġ ta’ din in-nursery. 

Bl-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), Żurrieq FC kiseb €13,990 f’fondi Ewropej, li kienu investiti f’taħriġ għall-kowċis u l-membri tal-istaff bil-għan li tissaħħaħ il-kwalità tal-coaching, titjieb it-tmexxija tal-klabb u jiġi promoss il-valur tal-inklużjoni fl-isport lokali.

Bħala parti mill-inizjattiva, sitt kowċis u erba’ membri tal-istaff ħadu sehem f’perjodu ta’ taħriġ u job shadowing fil-klabb ta’ BTS Rekord Bielsko-Biała fil-Polonja, fejn kisbu ħiliet u metodoloġiji ġodda. Wara l-esperjenza tagħhom, ħames kowċis u ħames membri tal-istaff qed iwettqu sessjonijiet ta’ train-the-trainer sabiex il-ħiliet miksuba jinqasmu ma’ iktar membri tal-klabb.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar l-impenn ta’ Żurrieq FC u saħaq li l-fondi Ewropej qed iħallu impatt dirett fuq il-komunitajiet tagħna. “Proġetti bħal dan juru kif il-fondi Ewropej qed isaħħu n-nies fil-komunitajiet tagħna – billi jagħtuhom ħiliet, esperjenzi u motivazzjoni biex ikomplu jiżviluppaw permezz tal-isport. Dawn huma inizjattivi li jgħinu għal aktar taħriġ lil hinn min xtutna. ” qal il-Ministru.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa qal li, “Bħala Servizzi Ewropej f’Malta kburin li qed nassistu entitajiet sportivi bħal Żurrieq FC biex jakkwistaw esperjenzi li jkabbruhom u jgħadduhom lil sħabhom lokalment. Proġetti bħal dawn minn fondi Ewropej iżidu l-ħiliet u l-motivazzjoni fis-settur tal-volontarjat”.

Dan il-proġett għandu jkompli jtejjeb il-programmi ta’ taħriġ fi ħdan Żurrieq FC, jiġbed aktar żgħażagħ lejn l-isport u jsaħħaħ ir-rwol tal-klabb bħala ċentru sportiv inklussiv u miftuħ għall-komunità kollha.

Il-programm ERASMUS+ huwa mmexxi minn EUPA u jassisti f’bosta inizjattivi ta’ taħriġ fi stati membri tal-UE. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport