Thursday, November 27, 2025

ŻVILUPP IMPORTANTI F’SETTUR LI SE JKUN AKTAR REGOLAT

Aqra wkoll

Dak li sa ftit ilu deher impossibbli, seħħ f’dawn il-ġranet fejn wara xhur ta’ diskussjonijiet bejn il-General Workers’ Union u l-Assoċjazzjoni Maltija li tħaddan fiha operaturi li jimpjegaw ħaddiema li jwasslu diversi affarijiet fosthom ikel fid-djar. F’dawn id-diskussjonijiet, iż-żewġ naħat qablu li l-ħaddiema involuti għandhom ikunu koperti bi ftehim kollettiv li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom.

Dan huwa żvilupp sostantiv fir-relazzjonijiet industrijali ta’ Malta, li se jwassal ukoll biex jelimina kemm jista l-abbuż li kien qed isir fuq dawn il-ħaddiema li bosta huma barranin. Meta jseħħ il-ftehim formali u dawn il-ħaddiema jkunu fir-realtà koperti bi ftehim kollettiv, se jkun il-bidu ta’ perjodu ġdid għalihom hekk kif il-kundizzjonijiet tagħhom se jibqgħu b’mod konsistenti jitjiebu u regolati bil-Liġi Industrijali.

Dan ukoll għandu jkun ta’ sodisfazzjon għall-ħaddiema li bis-saħħa tal-MOU maqbul jumejn ilu, sal-1 ta’ Jannar li ġej, iridu jkunu ġew konklużi l-ftehimiet kollettivi mal-operaturi kollha membri tal-MDFOA, sabiex jiġu regolati kundizzjonijiet bħall-pagi bażiċi, il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħlasijiet ta’ overtime, l-adozzjoni obbligatorja ta’ pagamenti mhux fi flus kontanti, u s-sħubija tal-impjegati f’union.

Dan juri wkoll kemm huwa importanti li l-ħaddiema jkunu organizzati fi trejdunjin li jkollha l-kapaċità u r-riżorsi biex tiddefendilhom mhux biss l-interessi tagħhom, imma ttejjibhom minn żmien għall-ieħor.

Għalhekk wieħed irid jirrikonoxxi l-irwol attiv li kellha l-GWU f’dan kollu, li tat vuċi lil ħafna ħaddiema ġodda fis-suq kif ukoll l-impenn tal-operaturi li qed jilqgħu din it-tranżizzjoni lejn regolamentazzjoni aktar ċara. Il-GWU ilha tissielet kontra l-fenomenu tal-prekarjat f’pajjiżna.

Dan il-ftehim huwa wkoll konformi b’mod dirett mal-Labour Migration Policy, li għandha l-għan li toħloq sistema ċara u responsabbli għall-impjieg ta’ ħaddiema barranin f’Malta, b’kontroll f’idejn l-awtoritajiet Maltin. 

U huwa f’dan l-isfond li ntennu dak li stqarr id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, li ddeskriva dan il-qbil bħala wieħed storiku li huwa wkoll turija ta’ kemm id-djalogu soċjali għadu rilevanti u b’saħħtu. 

Il-GWU tibqa’ impenjata li tkompli tagħti l-kontribut tagħha fl-aħjar interess tal-ħaddiema u fuq kollox f’bilanċ mal-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport