Tuesday, February 17, 2026

Żviluppi oħra fl-istorja tal-ġuri ta’ Austin Mallia

Aqra wkoll

It-Tlieta filgħodu, quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bdew jinstemgħu s-sottomissjonijiet dwar il-piena fil-konfront ta’ Austin Mallia, li lbieraħ, b’7 voti kontra 2, instab wara li għadda ġuri ta’ traffikar u pussess aggravat tad-droga cannabis.

Waqt is-seduta, il-prosekuzzjoni ressqet quddiem il-Qorti kopja ta’ kitba fuq Facebook ippubblikata minn oħt l-akkużat. Fil-messaġġ tagħha, oħt Austin Mallia esprimiet id-diżappunt tagħha bis-sistema ġudizzjarja Maltija u sostniet li, flok ġustizzja, hija rat “manipulazzjoni u korruzzjoni” min-naħa tal-prosekuzzjoni. Hija allegat li l-ġurati setgħu ġew influwenzati b’informazzjoni falza u qalet li, bħalma fil-fehma tagħha ġie mqarraq ħuha, setgħu ġew imqarrqa huma wkoll.

Fl-istess kitba hija appellat lill-pubbliku biex jiftakar li ħuha huwa persuna b’familja li qed tbati, u wissiet kontra kummenti iebsa jew ġudizzju mingħajr ma tkun magħrufa l-istorja kollha.

Il-prosekuzzjoni qalet li tali dikjarazzjonijiet huma mhux xierqa u jistgħu jnaqqsu mir-rispett lejn il-Qorti u l-proċess ġudizzjarju. Id-difiża, min-naħa tagħha, sostniet li tul il-ġuri kienet ukoll fil-mira ta’ kritika personali, u ħabbret li se tressaq diversi xhieda ta’ karattru qabel ma tingħata s-sentenza, fosthom omm Austin Mallia u l-imgħallem tax-xogħol tiegħu.

Il-Qorti ddeferiet is-sentenza għal nhar it-Tlieta li ġej.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Kevin Pulis flimkien mal-Avukati Godwin Cini, Danika Vella u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali. Mallia kien irrappreżentat mill-Avukati Joe Giglio u Mattea Giglio.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport