Saturday, August 2, 2025

Żvizzeru jinżamm arrestat wara li kien mixli li kellu “cocktail ta’ drogi”

Aqra wkoll

Żvizzeru ta’ 23 sena li m’għandux residenza fissa f’pajjiżna baqa’ jinżamm arrestat wara li kien mixli quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugiali kellu fil-pussess tiegħu dak li kien deskritt bħala “cocktail ta’ drogi”.

Gustav Daniel Harila kien ġie arrestat fl-14 ta’ Ġunju li għadda wara li l-Pulizija għamlet diversi tfittxijiet f’residenzi fis-Swieqi u San Ġwann.

Hu qiegħed jiġi akkużat li fil-pussess tiegħu kellu 4 tipi ta’ droga, ecstasy, ketamina, kokaina u kannabis  kif ukoll li ttraffika l-ecstasy, il-ketamina u l-kokaina u li kien involut fi grupp kriminali.

Il-Prosekuzzjoni qalet li dawn it-tfittxijijiet instabu d-drogi msemmija u rriżulta li l-akkużat kien qed jikri appartament fis-Swieqi. Waqt dawn it-tfittxijiet ġew arrestati 4 persuni oħra li tnejn minnhom diġà tressqu l-Qorti b’arrest filwaqt li t-tnejn l-oħra se jitressqu b’ċitazzjoni.

Dawn il-persuni arrestati kienu indikaw lill-pulizija li kien Harila bħala l-persuna li kienet tipprovdihom bid-droga għal skopijiet ta’ traffikar.

Harila li ddaħħal fl-awla f’siġġu tar-roti minħabba ksur f’saqajh, wieġeb mhux ħati u filwaqt li d-difiża għamlet talab għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li nstabu 400 pillola ecstasy, 150 gramma reżina tal-kannabis, 100 gramma kannabis grass u 200 gramma ketamina.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Ylenia-Marie Abela u Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Mark Mercieca waqt li l-Avukat Robert Spiteri deher għall-akkużat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport