Monday, December 23, 2024

Żvolta fil-każ ta’ Alec Baldwin 

… Akkużat bi qtil involontarju waqt il-ġbid tal-film Rust

Aqra wkoll

L-attur Alec Baldwin qed jaffaċċja akkuża dwar qtil involontarju b’rabta mal-isparatura li ħalliet persuna mejta fuq is-sett tal-film Rust.

F’Santa Fe, New Mexico, Baldwin ġie akkużat formalment b’omiċidju volontarju, u dan minkejja li f’okkażjoni oħra l-prosekuturi kienu warrbu din l-istess akkuża kontrih.

F’Ottubru tal-2021, waqt il-ġbid ta’ xena partikolari tal-film Rust, Baldwin kellu juża prop grun li hi pistola li tintuża għall-films meta għal xi raġuni din ħadet u qatlet liċ-ċinematografa Halyne Hutchins u darbet serjament lid-direttur Joel Souza.

F’April li għadda, il-Prosekuturi warrbu l-akkuża ta’ qtil involontarju kontra Baldwin, u qalu li l-arma tan-nar setgħet ġiet modifikata qabel l-isparatura b’mod li ħadmet ħażin. Iżda ftit xhur wara, il-Prosekuturi qalu li kienu qed jikkunsidraw jerġgħu jippreżentaw l-akkużi wara li tlestiet analiżi ġdida fuq din l-arma. 

Rapport minn esperti tal-ballistika u tal-forensika kkummissjonat mill-prosekuturi wera kif għalkemm Alec Baldwin ripetutament ċaħad li kien ġibed il-grillu, dan kellu jinġibed jew jingħafas b’ċertu mod sabiex ġie sparat it-tir.

Il-prosekuturi ppreżentaw dan il-każ fil-Qorti ta’ Santa Fe. L-Avukati Difensuri ta’ Baldwin qalu li kienu qegħdin jistennew bil-ħerqa “l-ġurnata ta’ meta jiltaqgħu fil-Qorti.”

Sadanittant, Hannah Gutierrez-Reed, li kienet responsabbli mill-armi użati waqt il-film Rust, diġà kienet akkużata bi qtil involontarju u tbagħbis ta’ evidenza u l-ġuri tagħha mistenni li jibda x-xahar id-dieħel. 

Gutierrez-Reed qiegħda twieġeb mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha. Il-prosekuturi allegaw li hija aġixxiet b’mod imprudenti meta tat il-pistola kkargata lil Baldwin fuq is-sett u akkużawha li naqset milli tiżgura li l-munizzjon f’din l-arma jkunu foloz. 

Hija kienet akkużata wkoll li xorbot fil-lejl ta’ qabel seħħ dan l-inċident fatali, bil-prosekuturi jissuġġerixxu li kienet ukoll fis-sakra waqt l-isparatura. L-akkuża dwar tbagħbis fil-provi saret fir-rigward tal-allegazzjoni li Gutierrez-Reed kienet allegatament għaddiet borża bil-kokaina lil persuna oħra wara li kienet ġiet interrogata mill-pulizija.

L-Avukati tagħha, akkużaw lill-prosekuturi li ppreżentaw dan il-każ b’mod ħażin u li pprovaw “jagħmlu assassinju tal-karattru” tal-klijenta tagħhom.

Ekonomija

Sport