Qassis li kien imsejjaħ biex jintervjeni kemm-il darba għal rikonċiljazzjoni bejn koppja, iddeskriva ż-żwieġ tagħhom bħala “l-infern tad-dinja”. Dan wara li sostna li għalkemm ma kienx hemm vjolenza fiżika fuq il-mara, żewġha kien farrakha psikoloġikament “tant li qatt ma setgħet tieħu ruħ.”
Huwa xehed dan quddiem il-Qorti tal-Familja f’kawża ta’ separazzjoni li kienet fetħet il-mara kontra żewġha. Il-Qassis kien ikkonferma li r-raġel kellu problema ta’ flus tant li kien jissellef u jisraq, problema ta’ komunikazzjoni u ansjetà u anke problema ta’ gideb.
Ix-xhud qal li min-naħa l-oħra, minkejja tali problemi, il-mara provat tagħmel minn kollox sabiex tirranġa s-sitwazzjoni, iżda qal li bl-attitudni tiegħu r-raġel kien farrak lil martu psikoloġikament.
F’dan ir-rigward, it-turbolanza matrimonjali u t-tfarrik psikoloġiku ġew ukoll ikkonfermati mix-xhieda ta’ psikologu li kien ta’ għajnuna kbira għall-mara sabiex timxi ‘l quddiem mis-sofferenzi li ġarrbet matul iż-żwieġ.
Fl-affidavit tagħha, il-mara qalet li meta bdiet toħroġ mar-raġel tagħha, il-kumpanija tiegħu kienet waħda pjaċevoli u kien iħobb jiċċajta u jdaħħaq. Iżda qalet li l-attitudni tiegħu ma kinitx l-istess anzi tgħid li “ma tantx kienet laqtitni.”
Qalet li meta bdiet tiffrekwentah, dan dlonk beda jallega li hija kienet qiegħda taqlibhielu max-xufier li kien iwassalha x-xogħol. Spiċċa sabiex huwa ried li hija tagħżel bejnu u l-post tax-xogħol.
Qalet li dak iż-żmien kienet għażlet lilu mingħajr ma kellha impjieg alternattiv. Eventwalment hija sabet xogħol, għal wieħed tnejn, iżda ma kellhiex introjtu tajjeb.
Tgħid li f’temp ta’ sentejn u nofs, huwa kien temm ir-relazzjoni magħha għal tliet darbiet u dan għaliex kien iddejjaq. Madankollu wara l-aħħar darba li ma baqgħux flimkien, huma xorta reġgħu spiċċaw flimkien hekk kif kien ikkonvinċieha li huwa tassew iħobbha u li se jinbidel.
Hija kompliet tgħid li xorta ma setgħetx tifhem l-attitudni tiegħu, għalfejn kien isir nervuż mix-xejn u lil ommu dejjem kien ikellimha ħażin. Minkejja dan, il-partijiet kienu żżewġu f’April tal-1996.
Qalet li wara ż-żwieġ, huwa beda jaħdem għal rasu u dejjem kellu xogħol iżda bħala familja qatt ma kienu jaraw dħul żejjed. Anzi, qalet li hu kien dejjem itella’ l-kontijiet mal-ħwienet. Tgħid li kien hemm istanzi fejn huwa pprefera jsiefer biex jara logħba football milli jħallas il-kontijiet.
Hija rrakkontat ukoll li bdiet tara lil żewġha mfixkel, ġej u sejjer id-dar fil-ħin li suppost kien ikun ix-xogħol, u ddeskrivietu bħala persuna “b’moħħu mtajjar”. Tat rendikont kif darba fost oħrajn kien qiegħed jaħdem għand familja, u dawn sabu xi flus u ġojjellerija nieqsa minn darhom.
Il-mara qalet li għalkemm ir-raġel kien ċaħad dan, il-familja li għandhom kien qed jaħdem għamlu rapport mal-pulizija, tant li huwa spiċċa biex ammetta. Kien għalhekk li fittxet l-għajnuna ta’ qassis, li beda jagħtiha s-sapport u l-kuraġġ kontinwu li kellha bżonn tant li bdiet tħossha aħjar.
Il-mara qalet li kienet ħadet xokk qawwi meta saret taf li kienet ħarġet tqila għar-raba’ darba iżda għal żewġha “qisu xejn mhu xejn”. Qalet li d-dar kienet qiegħda tgħix f’biża’ kbira għaliex lil żewġha ma kinitx tafdah, dejjem igerfex u x-xogħol imur bla ħeġġa.
Min-naħa tiegħu, ir-raġel qal li ma jaqbilx ma’ diversi allegazzjonijiet li saru mill-mara fl-affidavit tagħha fosthom li kellu moħħu mtajjar u li huma kienu jgħixu fil-faqar iżda jgħid li kienu jgħixu komdi bil-paga li kellu. Jispjega li huwa kien iwarrab il-flus, liema flus kienu intużaw biex irranġaw id-dar fejn ħadem kważi kollox waħdu filwaqt li l-intojtu li kienet iddaħħal hi kienu jkopru l-vizzju tas-sigaretti tagħha.
Il-Qorti tal-Familja, preseduta mill-Imħallef Abigail Lofaro qalet li kienet moralment konvinta li r-raġel kellu l-problema tas-serq, liema problema huwa kien ċaħad li kellu. Madankollu, qalet li l-provi jistabbilixxu storja differenti.
“Għalhekk temmen li tali problema kienet ukoll taffettwa ż-żwieġ tal-partijiet għaliex kienet toħloq sens ta’ insikurezza, dubju u nuqqas ta’ kredibilità għaliex ir-raġel dejjem b’xi storja ġdida fejn jinsisti li jkunu ‘lagħbuh’. Filwaqt li tali sitwazzjoni kulma jmur, kienet dejjem taffettwa lill-mara u tnaqqas il-fiduċja tagħha fih.”
Filwaqt li qalet li ż-żwieġ tkisser proprju minħabba l-attitudni tiegħu, il-Qorti rat ukoll li l-mara ammettiet li wara r-relazzjoni tagħha ma’ żewġha hija kellha one-night-stand iżda tinnega li kellha relazzjoni ma’ terzi.
“Il-Qorti tiċċara li għalkemm il-mara ma tinsabx f’relazzjoni, iżda kellha biss inkontru sesswali, tali att għandu jiġi kkunsidrat xorta waħda bħala att kolpuż li jekk xejn kompla sabiex issiġilla kull prospett ta’ nuqqas ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet.
“Għaldaqstant jirriżulta b’mod inekwivoku li hemm lok għal pronunzja ta’ separazzjoni personali bejn il-partijiet u dan minħabba l-fatt li mill-atti jirriżulta li ma jidhirx li hemm lok għal rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet.”
Kien għalhekk li l-Qorti laqgħet it-talba għal separazzjoni bejn il-koppja minħabba li l-ħajja bejn il-partijiet m’għadhiex iktar possibbli għaliex iż-żwieġ tkisser b’mod irrimedjabbli u dan primarjament minħabba moħqrija u inġurji gravi min-naħa tar-raġel kif ukoll minħabba adulterju min-naħa tal-mara. Dan filwaqt li awtorizzatha biex tgħix separatament minn żewġha.