Monday, December 23, 2024

€1.8 biljun investiti fil-qasam soċjali

Mit-Tnejn dawk bla saqaf fuq rashom se jkollhom indirizz biex japplikaw għall-benefiċċji

Aqra wkoll

Minn nhar it-Tnejn li ġej, dawk bla saqaf fuq rashom se jkollhom il-faċilità li jingħatalhom indirizz biex ikunu jistgħu japplikaw għall-benefiċċji soċjali. Din il-miżura hija waħda temporanja sakemm il-persuna tkun tista’ timxi ‘l quddiem f’ħajjitha.

Dan ħabbru l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri favur il-familji mħabbra fil-Budget 2022.

Huwa qal li kienu diversi dawk li resqu ‘l quddiem bl-imsemmija miżura, għalkemm ma tolqotx ħafna nies. “Fejn jidħol is-soċjal żgur illi hemm impenn totali u ma nħarsu la kemm hemm nies u lanqas wiċċ dawk in-nies,” qal il-Ministru Falzon.

Intant, huwa spjega li għas-sena d-dieħla, se jkunu investiti xejn inqas minn €1.2 biljun għal dik li hija nefqa fuq benefiċċji soċjali, filwaqt li b’mod komplessiv, in-nefqa tal-Ministeru li huwa responsabbli minnu se tqarreb iż-€2 biljun. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Falzon tkellem dwar iż-żieda li se tingħata f’dik li hija għajnuna supplimentari. “Għal dawk li huma miżżewġin u jaqilgħu inqas minn €14,300, l-għajnuna se tkun ta’ bejn €3.47ċ u €6.50ċ fil-ġimgħa. Dan apparti ż-żieda f’dik li ngħatat għall-għoli tal-ħajja.

“Għal dawk waħedhom li jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju qed naraw li kull min ma jkollox dħul li jaqbeż l-€10,220 se jieħu wkoll żieda ta’ bejn €4 u €5 fil-ġimgħa. Din hija miżura li se taffettwa madwar 29,000 ruħ fejn qed ikunu allokati €5.6 miljun fis-sena,” kompla jispjega l-Ministru Falzon.

“Għall-pensjonanti, ifisser li se jkun hemm żieda ta’ madwar €500 fis-sena. Għal dawk li jikkwalifikaw għall-għajnuna supplimentari, qed naraw li dawn il-persuni jiżdiedu b’madwar €10 fil-ġimgħa. Dawn huma l-aktar vulnerabbli u għandna l-aktar li ngħinu.”

Għal persuni li m’għandhomx ċertu dħul, fejn it-threshold huwa relattivament għoli, persuni li għandhom paga bażia li ma taqbiżx l-€20,000 fis-sena u li jaħdmu f’ħinijiet diversi – filgħaxijiet, tmiem il-ġimgħa, xifts mal-privat – se tiġi introdotta benefiċċju ta’ €150 fis-sena bħala inwork benefit.

Tnaqqis fir-rata tat-taxxa 

Il-Ministru Falzon semma wkoll li dawk il-ħaddiema kollha li l-paga tagħhom ma teċċedix l-€20,000 fis-sena u m’għandhomx lanqas pożizzjoni maniġerjali se jħallsu taxxa bi 15% fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-over-time. Din il-miżura se tfisser madwar €6 miljun aktar fil-bwiet tal-ħaddiema.

Miżura oħra li l-Ministru għamel referenza għaliha kienet dik li kull Kap ta’ Skola se jingħata s-somma ta’ €10,000 fis-sena biex tfal li jattendu l-iskola ma jkunux neqsin mill-affarijiet bażiċi. 

Dan apparti li se jkun jiżdied il-bonus li jingħata meta titwieled tarbija, minn €300 għal €400. In-nefqa f’dan ir-rigward se tkun ta’ madwar nofs miljun ewro.

Huwa tkellem ukoll dwar l-allowance għal tfal b’diżabilità se jogħla b’€5 fil-ġimgħa filwaqt li l-għotja tal-carer at home għall-anzjani se tiżdied b’€1,000. 

“Qed inżidu wkoll lil dawk il-persuni li għandhom 80 sena u għadhom jgħixu fil-komunità. Hawn qed naraw li dak il-benefiċċju jiżdied b’€50,” żied jispjega l-Ministru Falzon. 

“Dan kollu juri l-impenn li għandna bħala amministrazzjoni li nkomplu naraw il-ġid u naraw li jkun hemm element ta’ ġustizzja soċjali,” temm jgħid il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Ekonomija

Sport