Tuesday, April 30, 2024

Il-PM jindirizza l-konferenza tal-EY u jitkellem dwar l-importanza li bħala gvern jagħtu lin-negozji

Aqra wkoll

Il-Malta Enterprise approvat l-ogħla ammont ta’ investiment lokali u ta’ investiment dirett barrani fl-istorja, b’€140 miljun flimkien ma’ proġetti ġodda li se jiġġeneraw kważi 2,000 impjieg ġdid. 

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li indirizza l-konferenza tal-EY li għaliha ma setax jipparteċipa b’mod fiżiku minħabba l-fatt li qed jattendi l-Kunsill Ewropew li qed isir bħalissa fi Brussell. 

Fl-indirizz tiegħu huwa tkellem dwar l-importanza li bħala gvern jagħtu lin-negozji.

Qal li tabilħaqq, l-aħħar sentejn kienu iebsa għan-negozji bbażati f’Malta, u dawk barra minn xtutna hekk kif il-pandemija ħalliet impatt fuq l-ekonomija dinjija. Qal li l-pandemija setgħet għamlet ħerba fin-negozji lokali tagħna.

Fost l-oħrajn fakkar dwar it-tbassir li kien se jkun hemm 55,000 persuna bla xogħol, iżda l-ekonomija Maltija rreżistiet it-test tal-pandemija, u tinsab fuq quddiem fl-irkupru globali. 

Semma l-fatt li fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija rreġistrat l-ogħla rata ta’ tkabbir li qatt kellha xprunat mill-akbar ammont assolut ta’ investiment li qatt ġie rreġistrat. Qal li pajjiżna kien wieħed mill-ftit ekonomiji li ra r-rata tal-impjiegi tiegħu tiżdied u fakkar li bħalissa għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kelna u l-inqas persentaġġ tal-popolazzjoni tagħna f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. 

Spjega li dawn ir-riżultati pożittivi jirriflettu t-tip ta’ politika li implimentaw biex żommu l-fiduċja ekonomika għolja anke fi żmien ta’ kriżi kbira. Fakkar l-għajnuna vasta li bħala gvern taw lin-negozji fosthom bl-iskema tal-wage supplement.

Qal li filwaqt li pproteġġew is-suċċess li kellna fil-passat f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fir-rata tal-impjiegi, ħadmu aktar biex ikompli jiġi attirat investiment dirett.

Semma kif b’riżultat ta’ dan, il-Malta Enterprise approvat l-ogħla ammont ta’ investiment lokali u ta’ investiment dirett barrani fl-istorja, b’€140 miljun flimkien ma’ proġetti ġodda li se jiġġeneraw kważi 2,000 impjieg ġdid. 

Abela qal: “Issa li rnexxielna nissalvagwardjaw il-kapaċità produttiva tal-ekonomija tagħna, aħna ħerqana ħafna biex nibnu prosperità ġdida għan-nazzjon tagħna. Qed indaħħlu fis-seħħ diversi miżuri mmirati biex intejbu l-abiltà tal-ħaddiema tagħna, inkluż l-introduzzjoni ta’ fond ta’ taħriġ. Irridu noħolqu l-inċentivi t-tajba biex nistimulaw bidla fl-investiment tal-kumpaniji tagħna, b’mod partikolari lejn ekonomija aktar ħadra u aktar sostenibbli, peress li nimmiraw li nnaqqsu drastikament l-emissjonijiet tagħna sal-2030, u niksbu l-carbon neutrality sal-2050.”

Qal li għalhekk bħala gvern daħħlu diversi skemi biex jgħinu lill-kumpaniji jaqilbu għal modi ta’ trasport li jkunu favur l-ambjent. 

“Implimentajna riformi bla preċedent, u ninsab kuntent li qed jiġi rreġistrat progress tajjeb u kostanti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni miftiehem mal-FATF. Il-kredibbiltà tal-isforzi tagħna hija kkonfermata mill-fatt li erba’ aġenziji ta’ kreditu ewlenin ikkonfermaw ir-rating ta’ A għall-ekonomija Maltija,” qal Abela filwaqt li żied jgħid li s-sena d-dieħla qed ibassru li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jilħaq is-6.5%.

Sport