Minn Cristian Muscat
Wara esperjenza ta’ ħames staġuni u nofs fit-tmexxija teknika ta’ Naxxar Lions, il-kowċ Malti George Vella beda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu hekk kif inħatar bħala wieħed mill-assistenti kowċis ta’ Sliema Wanderers.
Vella se jkun qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ Branko Nisevic u mal-kumplament tal-istaff tekniku, bil-għan li l-Blues jilħqu l-objettivi tagħhom għal dan l-istaġun.
F’intervista ma’ dan is-sit, Vella tkellem dwar din l-isfida ġdida, l-ewwel impressjonijiet tiegħu tal-iskwadra Slimiża, il-konfront ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Ħamrun Spartans u l-possibbiltà ta’ xi rtokki fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.
Vella żvela li l-ewwel kuntatt mingħand Sliema Wanderers kien sar fis-sajf li għadda. Madankollu, minħabba ċirkostanzi familjari, fosthom il-wasla ta’ tarbija fil-familja tiegħu, dak iż-żmien ma kienx il-mument opportun sabiex jaċċetta din l-offerta.
Meta l-president tal-klabb Walter Arciola u l-kowċ Branko Nisevic reġgħu avviċinawh, Vella ftit li xejn kellu dubji dwar id-deċiżjoni li kellu jieħu.
“Meta reġgħu kellmuni l-president u Branko, ma ħsibthiex darbtejn. Rajt din bħala opportunità tajba sabiex inkompli naħdem fil-futbol Malti u nagħti l-kontribut tiegħi.”
Wara diversi snin bħala kowċ prinċipali, Vella issa se jkun qed jokkupa rwol differenti. Madankollu, huwa jqis din l-esperjenza bħala opportunità oħra sabiex ikompli jiżviluppa fil-professjoni tiegħu.
Mistoqsi dwar kif qed iħares lejn ir-rwol il-ġdid tiegħu wara li għal diversi snin kien il-kowċ prinċipali ta’ Naxxar Lions, Vella spjega li fi klabb bħal Sliema Wanderers hemm diversi responsabbiltajiet li jridu jinqasmu bejn il-membri tal-istaff tekniku.
L-iskwadra Slimiża hija waħda numeruża u tinkludi diversi plejers ta’ kwalità, fosthom uħud li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti. Għaldaqstant, huwa importanti li dawn jingħataw ukoll attenzjoni individwali sabiex ikomplu jiżviluppaw u jagħtu l-aħjar kontribut possibbli lit-tim.
“Ir-rwol tiegħi huwa li nassisti lill-kowċ, filwaqt li naħdmu flimkien sabiex nieħdu l-aħjar mill-plejers li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.”
Vella jemmen li l-kollaborazzjoni bejn il-membri kollha tal-istaff tekniku hija essenzjali, speċjalment meta wieħed ikun qed jaħdem ma’ skwadra li għandha diversi alternattivi f’pożizzjonijiet differenti.
L-ewwel impenn ta’ Vella bħala parti mill-istaff tekniku ta’ Sliema Wanderers kien il-konfront kontra Ħamrun Spartans, partita li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.
Skont il-kowċ Malti, ir-riżultat kien wieħed ġust meta wieħed iqis kif żviluppat il-partita. Kien konfront bejn żewġ timijiet li kienu attenti ħafna tattikament u li ftit taw spazji lill-avversarji tagħhom.
Vella osserva li fl-ewwel taqsima kien hemm aktar sitwazzjonijiet ta’ wieħed kontra wieħed u transizzjonijiet minn fażi difensiva għal waħda offensiva. Madankollu, matul it-tieni taqsima, ir-ritmu tal-partita naqas u ż-żewġ timijiet kienu aktar kawti fl-approċċ tagħhom.
“Kienet logħba magħluqa fejn ma kienx hemm ħafna spazji f’nofs il-grawnd. Fit-tieni taqsima naqas xi ftit ir-ritmu u ż-żewġ timijiet kienu attenti ħafna. Naħseb li d-draw kien riżultat ġust.”
Aspett pożittiv li ħareġ minn dan il-konfront kien il-fatt li Sliema rnexxielhom iżommu l-lasta tagħhom mhux mimsusa kontra avversarju li għandu diversi elementi ta’ kwalità fid-dipartiment offensiv.
Wara bidu ta’ staġun li ma kienx daqstant konvinċenti, Sliema Wanderers bdew juru sinjali ta’ titjib fil-wirjiet tagħhom.
Vella sostna li wieħed mill-fatturi li seta’ affettwa lill-Blues fil-bidu tal-kampjonat kien in-numru ta’ akkwisti ġodda li saru matul is-sajf. Meta jkun hemm diversi plejers ġodda, inevitabbilment ikun meħtieġ iż-żmien sabiex dawn jidraw lil xulxin u jaddattaw għas-sistema tal-logħob.
Il-kowċ Malti jemmen li bil-mod il-mod l-iskwadra qed issib l-istabbiltà meħtieġa u li dan għandu jkun rifless ukoll fir-riżultati.
“Nemmen li dak li kien jonqos lit-tim kien ftit stabbiltà. Saru diversi akkwisti ġodda u dawn il-plejers kellhom bżonn iż-żmien sabiex jingħaqdu aktar bħala grupp.”
Vella rrimarka wkoll li diversi timijiet oħra kellhom il-vantaġġ li żammew parti sostanzjali mill-iskwadra tagħhom, filwaqt li Sliema għaddew minn aktar tibdiliet.
Matul l-intervista, Vella ġie mistoqsi wkoll dwar il-possibbiltà li Sliema Wanderers isaħħu l-iskwadra tagħhom fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar u jekk hemmx xi dipartiment partikolari li jeħtieġ irtokki.
Huwa spjega li l-istaff tekniku jinsab għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni tal-iskwadra sabiex jidentifika dawk is-setturi fejn jista’ jsir titjib.
“Qed nevalwaw, nitkellmu bejnietna u naraw fejn nistgħu ntejbu ċerti setturi. Irridu naraw x’għandna għad-dispożizzjoni tagħna u x’jista’ jkun ta’ benefiċċju għat-tim.”
Minkejja dan, Vella esprima l-fiduċja tiegħu fil-kwalità tal-plejers preżenti. Meta fadal erba’ partiti, huwa jemmen li l-Blues għandhom l-opportunità li jkollhom tmiem pożittiv għal din il-fażi tal-kampjonat u jispiċċaw f’pożizzjoni tajba fil-klassifika.
Qabel ma ngħaqad ma’ Sliema Wanderers, George Vella bena parti importanti mill-karriera tiegħu ma’ Naxxar Lions.
Wara esperjenza ma’ Mqabba, Vella ngħaqad man-Naxxarin fis-sajf tal-2020. Fl-istaġun 2021/22 mexxa lit-tim għal seba’ rebħiet konsekuttivi fil-bidu taċ-Challenge League, filwaqt li fi tmiem l-istaġun 2022/23 kiseb il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier.
Fl-ewwel staġun tagħhom lura fost l-elite tal-futbol Malti, in-Naxxarin kisbu riżultati inkoraġġanti. Fl-istaġun ta’ wara, Vella rnexxielu jżomm lill-klabb fl-ogħla diviżjoni wara rebħa deċiżiva kontra Melita fil-play-off.
Issa, wara li temm l-esperjenza tiegħu man-Naxxarin f’Diċembru tal-2025, Vella qed iħares ’il quddiem lejn sfida differenti ma’ wieħed mill-aktar klabbs tradizzjonali tal-futbol Malti.
Għalkemm ir-rwol tiegħu nbidel, l-ambizzjoni tibqa’ l-istess: li jagħti l-kontribut tiegħu sabiex it-tim jikseb riżultati pożittivi. Flimkien ma’ Branko Nisevic u l-kumplament tal-istaff tekniku, George Vella jinsab determinat li jgħin lil Sliema Wanderers jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkunu kompetittivi matul il-kumplament tal-istaġun.




