Tuesday, November 24, 2026
Home Sport Winston Muscat … jippreferi jħalli x-xogħol u r-riżultati jitkellmu għalih, bit-tama li...

Winston Muscat … jippreferi jħalli x-xogħol u r-riżultati jitkellmu għalih, bit-tama li gradwalment il-Karkariżi jerġgħu jkunu fost il-protagonisti tal-football Malti

0
15
Ritratt: Birkirkara FC

Minn Cristian Muscat

Wara t-tieni esperjenza tiegħu fit-tmexxija teknika ta’ Naxxar Lions, il-kowċ Malti Winston Muscat beda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu hekk kif inħatar kowċ ta’ Birkirkara. Muscat, li fl-istaġun 2024/25 mexxa lil Ħamrun Spartans għar-rebħ tal-kampjonat, għandu quddiemu sfida oħra importanti, dik li jgħin lill-Karkariżi jerġgħu jsibu l-konsistenza fir-riżultati tagħhom.

Fl-istaff tekniku tiegħu, Muscat għandu lil Stephen Grima bħala assistant coacg, lil Matthew Tabone bħala analista u lil Matthew Bartolo bħala trainer fiżiku.

F’intervista ma’ dan is-sit, Muscat tkellem dwar il-ħatra tiegħu, ir-rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Birżebbuġa St Peter’s, il-konfront li jmiss kontra Mosta u l-objettivi tiegħu matul il-kumplament tal-istaġun.

Mistoqsi dwar kif qed iħares lejn din il-kariga ġdida, Muscat sostna li se jkun qed jaffaċċja din l-isfida bl-istess dedikazzjoni u impenn li dejjem wera mal-klabbs li mexxa fil-passat.

Għalkemm Birkirkara huma wieħed mill-klabbs bl-akbar tradizzjoni fil-futbol Malti, il-kowċ Malti saħaq li l-prijorità tiegħu hija li jagħti dak kollu possibbli sabiex it-tim jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

“Din hija kariga bħal kull kariga oħra li kelli fil-passat. Se nagħti dak kollu possibbli. L-importanti hu li naqbdu t-triq it-tajba sabiex inwasslu lil Birkirkara fejn jixirqilhom ikunu.”

Muscat huwa konxju mill-istorja tal-klabb Karkariż u mill-aspettattivi tal-partitarji tiegħu. Madankollu, aktar milli jħares lejn dawn l-aspettattivi bħala sors ta’ pressjoni, huwa jqishom bħala motivazzjoni sabiex ikompli jaħdem.

“Ma nħossx pressjoni, iżda motivazzjoni. Irridu naraw x’inhu l-aħjar għall-klabb u kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa.”

Il-kowċ Karkariż żied jgħid li jippreferi jimxi pass wara pass aktar milli jistabbilixxi objettivi fit-tul f’dan l-istadju tal-istaġun.

Muscat beda l-avventura tiegħu mal-Istripes fuq nota pożittiva hekk kif Birkirkara kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Birżebbuġa St Peter’s, bi Franklin Sasere fost il-protagonisti.

Il-kowċ Malti stqarr li kien konxju mid-diffikultajiet li kienet se toffri din il-partita, partikolarment meta wieħed iqis ir-riżultati pożittivi li kienu kisbu l-Birżebbuġin fil-ġimgħat ta’ qabel.

Birżebbuġa kienu għaddew minn sensiela ta’ seba’ riżultati konsekuttivi pożittivi qabel it-telfa kontra Hibernians, f’partita li kienet ukoll ikkaratterizzata minn deċiżjoni kontroversjali.

Muscat sostna li fil-kampjonat Malti tal-lum ma teżisti ebda partita faċli, hekk kif kull tim għandu l-kwalitajiet tiegħu u jista’ joħloq diffikultajiet lill-avversarji.

“Kont naf li ma kinitx se tkun logħba faċli. Kull tim għandu s-saħħa tiegħu u Birżebbuġa kienu għaddejjin minn perjodu tajjeb. Għalina kienet opportunità importanti sabiex niksbu tliet punti.”

Il-preparazzjoni għal din il-partita kienet limitata, hekk kif Muscat kellu biss ħames sessjonijiet ta’ taħriġ mal-plejers tiegħu. Matul dawn is-sessjonijiet, huwa beda jispjega lill-plejers il-filosofija tiegħu u l-mod kif jixtieq li t-tim jilgħab.

Minkejja ż-żmien limitat għad-dispożizzjoni tiegħu, Muscat seta’ jinnota diversi aspetti pożittivi fil-wirja tal-Karkariżi.

Matul it-tieni taqsima, huwa wettaq xi tibdiliet tattiċi sabiex jipprova jsib soluzzjonijiet kontra tim li kien qed jiddefendi u jillimita l-ispazji għall-avversarji tiegħu.

Dawn it-tibdiliet saru minkejja li l-istaff tekniku ma kellux l-opportunità li jaħdem fuqhom biżżejjed waqt it-taħriġ.

Muscat ammetta li Birkirkara ma ħolqux daqstant okkażjonijiet ta’ skor, iżda apprezza l-fatt li l-plejers tiegħu baqgħu jiġġieldu u jemmnu li setgħu jiksbu r-rebħa.

“Rajna diversi affarijiet pożittivi. Għamilna bidla tattika fit-tieni taqsima, minkejja li ma konniex ħdimna fuqha waqt it-taħriġ. L-aktar ħaġa importanti kienet li l-plejers baqgħu jiġġieldu.”

Għal Muscat, dawn kienu tliet punti fundamentali, mhux biss għall-klassifika iżda wkoll sabiex l-iskwadra tikseb aktar fiduċja fiha nnifisha.

Birkirkara issa se jkunu qed iħarsu lejn l-impenn li jmiss tagħhom kontra Mosta nhar il-Ġimgħa.

Muscat qed jistenna oppożizzjoni diffiċli minn tim li għandu diversi elementi ta’ kwalità, fosthom Giancarlo Gonçalves, Thiago Espíndola, Prince u Geoffrey Acheampong.

Il-kowċ Karkariż spjega li bħalissa l-istaff tekniku jinsab f’fażi ta’ studju u evalwazzjoni tal-iskwadra. L-għan huwa li jsir jaf aħjar il-karatteristiċi ta’ kull plejer sabiex ikun jista’ jieħu l-aħjar minn kull individwu.

“Bħalissa ninsabu f’fażi fejn qed nistudjaw lill-plejers tagħna. Għandna plejers tajbin ħafna u rridu naraw kif nistgħu nieħdu l-aħjar minnhom.”

Għalkemm ir-rebħ huwa fundamentali, Muscat jixtieq ukoll li bil-mod il-mod it-tim jibda juri l-identità u l-istil ta’ logħob li għandu f’moħħu.

Mistoqsi dwar it-tragwardi li jixtieq jilħaq sa tmiem l-istaġun, Muscat sostna li għadu prematur wisq sabiex wieħed jagħmel ċerti dikjarazzjonijiet.

L-ewwel objettiv huwa li Birkirkara jiksbu l-aħjar riżultati possibbli fil-Bottom Six, bil-ħsieb li jirritornaw fit-Top Six fil-fażi li jmiss tal-kampjonat.

Madankollu, Muscat ma jridx iħares wisq ’il quddiem u jippreferi jikkonċentra fuq l-impenji immedjati tat-tim tiegħu.

Wara l-konfront kontra Mosta, il-Karkariżi għandhom impenji kontra Gżira United u Balzan, kif ukoll partita mill-FA Trophy kontra Valletta.

“L-istaġun huwa maratona. L-objettiv tiegħi bħalissa hija l-partita tal-Ġimgħa, imbagħad naħsbu fil-partita ta’ wara. Fil-futbol l-affarijiet jistgħu jinbidlu minn ġimgħa għal oħra.”

Winston Muscat għandu esperjenza vasta fil-futbol lokali, wara li mexxa diversi klabbs fosthom Marsaxlokk, Sirens, Tarxien Rainbows u Naxxar Lions, kif ukoll lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena.

Wieħed mill-akbar suċċessi fil-karriera tiegħu wasal fl-istaġun 2024/25, meta mexxa lil Hamrun Spartans għar-rebħ tal-kampjonat.

Issa Muscat għandu sfida differenti quddiemu ma’ Birkirkara. Mingħajr wegħdiet kbar jew dikjarazzjonijiet ambizzjużi, il-kowċ Malti qed jippreferi jħalli x-xogħol u r-riżultati jitkellmu għalih, bit-tama li gradwalment il-Karkariżi jerġgħu jkunu fost il-protagonisti tal-futbol Malti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here