Friday, November 22, 2024

“10 miljun kontenitur tax-xorb riċiklati fl-ewwel sitt ġimgħat tal-iskema”

Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tal-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif

Aqra wkoll

Fl-aħħar edizzjoni tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022, uffiċjali pubbliċi ħadu diversi unuri. Fost dawn kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif, Ramon Deguara, li ġie ppremjat bħala l-Kap/Manager tas-Sena.

Dan id-dipartiment jipprovdi servizzi ta’ tindif lid-dipartimenti u żoni li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali u lill-kunsilli lokali b’mod partikolari tindif pubbliku sabiex iżżomm l-ambjent urban u dak rurali ħielsa minn kull tip ta’ skart u affarijiet mormija b’mod illegali. Dan kollu jsir sabiex jiġi salvagwardjat l-ambjent f’Malta.

Is-sit elettroniku ta’ dan id-Dipartiment jirrikonoxxi li l-ambjent hu parti mill-identita’ tal-gżejjer Maltin u jħalli impatt qawwi fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri. L-għan ta’ dan id-direttorat hu wkoll li jippromwovi ambjent li jkun ħieles mill-iskart, trab, ħmieġu u kull xorta ta’ żibel abbandunat.

Xi postijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dan id-direttorat jinkludu t-tindif ta’ toroq arterjali, postijiet pubbliċi miftuħa u bajjiet kif ukoll il-manutenzjoni tas-sistemi fejn wieħed jista’ jaħżen l-ilma tax-xita. Dan kollu jsir b’dedikazzjoni kbira mill-ħaddiema kollha li jaħdmu hawnhekk. 

Dan il-sit tkellem ma’ Ramon Deguara fejn tana aktar informazzjoni dwar il-ħidma sfiqa li jwettaq dan id-direttorat.

Tkellimna miegħu dwar dan il-premju li rebaħ fl-edizzjoni tal-Ħaddiem tas-sena 2022. Kien qed jistennieha?

“Personalment ma kontx qed nistenniha. Ħadtha bħala sorpriża kbira li rbaħt dan il-premju. Ħadt pjaċir ħafna għax dan hu unur nazzjonali li madankollu ma nixtieqx nieħu l-mertu jien iżda miegħi nixtieq ninkludi t-tim verament bieżel li għandi kemm fi ħdan l-uffiċċju tagħna iżda wkoll man-numru kbir ta’ ħaddiema li jkunu barra qed inaddfu, xemx u xita, sħana u kesħa. Dan kollu sabiex naraw lil Malta tagħna li tant inħobbuha aktar nadifa u estetikament sabiħa. Dan hu sodisfazzjon kbir tal-ħidma kbira li nwettqu matul is-sena f’diversi siti li normalment ikunu frekwentati sew mill-Maltin, Għawdxin, turisti u nies oħra li jgħixu hawn. Hi xi ħaġa sabiħa li dan ix-xogħol jiġi rikonoxxut!”

Tkellimna ma’ Deguara dwar l-iskema l-ġdida li ntroduċa l-gvern ftit tal-ġimgħat ilu b’kollaborazzjoni mal-BCRS fejn il-Maltin u l-Għawdxin u kull min jgħix hawn qed jiġi mħeġġeġ sabiex juża l-magni awtomatiċi apposta sabiex jirriċikla fliexken tal-plastik u l-ħġieġ kif ukoll bottijiet.

Kemm għamlet ġid din l-inizjattiva?

“Din l-inizjattiva li nedejna ftit tal-ġimgħat ilu qed tibda tħalli l-frott mixtieq. Hi xi ħaġa sabiħa li wara sitt ġimgħat li bdejna din l-iskema, diġà ġew riċiklati aktar minn 10 miljun flixkun jew kontenitur ieħor.”

“Hi ħaġa evidenti li fliexken tal-ħgieġ u tal-plastik kif ukoll kontenituri oħra qed jonqsu mit-toroq Maltin għax dawn qed jiġu riċiklati bin-nies li jkunu qed jieħdu lura l-għaxar ċenteżmi li jkunu ħarġu. L-iskart naqas totalment minn ċerti postijiet. Hu veru li hawn ħafna nies irresponsabbli li ġieli jarmu l-fliexken li l-magna m’aċċettatx fil-madwar u din mhux xi ħaġa tajba.”

“Fil-verità dan kollu ma tantx hu riklam sabiħ għal pajjiżna speċjalment għat-turisti li jiġu jżuru l-gżejjer Maltin minħabba li jaħsbu li l-pajjiż hu mitluq u dan kollu mhux xi ħaġa sabiħa.”

Għalhekk f’dan ir-rigward, Ramon Deguara għandu appell xi jgħid lill-poplu Malti u Għawdxi kollu: “Nixtieq li l-pubbliku jagħmel użu mis-servizzi li joffru l-BCRS b’mod partikolari l-magni fejn fliexken, bottijiet u kontenituri oħra jiġu riċiklati. Hemm għaxar ċenteżmi x’wieħed jista’ jieħu fejn wara li jkun ħallasha għandu ċ-ċans jieħu vantaġġ mill-voucher li joħroġ.”

“Madankollu jekk il-magna ma taċċettax il-flixkun jew kontenitur ieħor importanti li ma nħalluhomx madwar il-magna iżda nerġgħu noħduhom magħna. B’hekk biss inkunu qed nagħtu l-kontribut tagħna sabiex ikollna ambjent mill-isbaħ, indafa liema bħalha u pajjiż ferm attraenti li wieħed jieħu pjaċir imur fih”.

Fuq nota oħra, Deguara temm jirringrazzja lil dawk kollha involuti fid-dipartiment tat-tindif u manutenzjoni pubblika li grazzi għall-ħidma tagħhom, dan l-unur seta’ jasal. Dan l-unur skont Deguara hu sforz kollettiv li wassal għas-suċċessi f’kull inizjattiva li ħa bl-għan ewlieni dejjem ikun li d-direttorat jara li l-indafa fil-gżejjer Maltin tibqa’ tinżamm.

Sport