Sunday, January 5, 2025

10 pariri ta’ ħabib

Aqra wkoll

Ħabib bagħatli 10 pariri siewja:

1) ibqa’ kalm

2) tkellem inqas

3) isma’ iżjed

4) osserva aktar

5) uri rispett

6) aħdem fis-skiet

7) ħares f’għajnejn min ikellmek uża l-ħin tiegħek aħjar

9) aħseb qabel titkellem

10) ġib ruħek ma’ ħaddieħor kif tixtiequ jġib ruħu miegħek.

Anki fi xjuħiti għandi ħafna x’nitgħallem minn dawn il-pariri siewja.

Ġie li għamilt, u ġie li nagħmel, bil-maqlub.

Il-Papa twajjeb

Kważi xahar ilu żjara fil-Kattidral ta’ Bergamo fil-kappella ddedikata lil San Papa Ġwanni XXIII. Kien twieled fir-raħal ċkejken tal-bdiewa Sotto il Monte nofs siegħa bogħod minn Bergamo. Ivvutawlu biex isir Papa fl-1958 meta kellu 78 sena. Ħasad lil dawk li ħasbuh persuna sempliċi u għasfur tal-passa u se jgħix għal ftit u jtellgħu Papa ieħor. Mill-ewwel wera li se jkun Papa oriġinali, determinat li jġedded il-Knisja u jdaħħalha fid-dinja moderna tas-Seklu 20.

Tiġdid

Malli laħaq Papa ħareġ mill-Vatikan biex iżur sptar tat-tfal u ħabs biex juri li l-Knisja għandha tieħu ħsieb lid-dgħajfa u lill-imwarrbin li jbatu u mhux isservi lil dawk b’saħħithom li jirrenjaw. Ftit ġimgħat wara li sar Papa ħabbar li se jagħmel Konċilju, mhux biex il-Knisja tiġġieled kontra xi ereżija u tikkundanna l-iżbalji ta’ ħaddieħor imma biex il-Knisja tagħmel eżami tal-kuxjenza, tagħraf in-nuqqasijiet tagħha u ġġedded ir-rabtiet tagħha maż-żminijiet moderni u mal-knejjes Insara oħra u mar-reliġjonijiet oħra.

Ftit qabel ma miet ħareġ il-‘Pacem in terris’ favur il-paċi fid-dinja fejn fiha xtaq jitkellem man-nies kollha ta’ rieda tajba, mhux mal-Kattoliċi biss. Kien Papa li baqa’ magħruf għall-messaġġ tiegħu lejn il-bnedmin kollha: ejja nfittxu x’jgħaqqadna. Kien ifittex li jibni pontijiet ma’ kulħadd u jqis il-bnedmin kollha bħala aħwa.

Għen ħafna biex 62 sena ilu tiġi evitata gwerra nukleari bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika li kienu waslu biex jeqirdu lil xulxin u l-bqija tad-dinja. Meta kien qassis ta’ 28 sena kien appoġġja b’ikel u flus strajk ta’ 800 ħaddiema mara f’Bergamo f’fabbrika tat-tessuti li kienu tħallew bla paga għal kważi xahrejn għax kienu qed jipprotestaw kontra kif kienu qed jistmawhom ħażin is-sidien.

93 fil-mija bla vot

Kont tivvota mhux għal min jogħġbok iżda għal min ma jogħġbokx. Jekk ikun hemm 6,000 bħalek li jivvutaw għal xi ħadd li kienu jaħsbu li se jsir tirann jew qed iġib ruħu ħażin kienu jivvutawlu biex jiġi eżiljat għal 10 snin. Din kienet l-ewwel forma ta’ elezzjoni li nafu biha f’din in-naħa tad-dinja. Mis-sena 487 sas-sena 416 Qabel Kristu kien hemm din is-sistema ta’ elezzjoni fil-Greċja: il-ftit irġiel li kellhom il-propjetà biss li setgħu jivvotaw u kienu jivvotaw biex jeżiljaw lil dawk il-politiċi li kienu jdejquhom bl-imġieba tagħhom.

Fis-snin 60 l-arkejologi sabu ħafna biċċiet ta’ fuħħar fil-Greċja li meta studjawhom sabu li kienu dokumenti tal-vot għal dawk l-elezzjonijiet tal-bidù. F’dawn l-aħħar elfejn sena l-elezzjonijiet inbidlu u żviluppaw. Fis-seklu 13 f’Venezja bdew jivvotaw għal dawk li xtaquhom ikunu r-rappreżentanti tagħhom fil-Gran Kunsill. Setgħu jivvutaw is-sinjuri biss.

Anki f’Malta l-elezzjonijiet għall-bidu d-dritt għall-vot ma kienx għal kulħadd. Fl-elezzjoni tat-13 u 14 Ottubru 1911 minn popolazzjoni ta’ aktar minn 211,000 persuna , madwar 114,000 kellhom aktar minn wieħed u għoxrin sena imma setgħu jivvutaw 8,980 biss minnhom. Jiġifieri seba’ fil-mija biss ta’ dawk kollha li kellhom aktar minn wieħed u għoxrin sena setgħu jivvutaw.

Biex tivvota f’Malta ta’ ftit aktar minn seklu ilu ridt l-ewwelnett tkun sudditu Ingliż. Ċittadini Maltin ma kinux jeżistu peress li aħna konna kolonja Ingliża. Ridt tkun raġel. Ridt ikollok aktar minn wieħed u għoxrin sena. Ridt tkun taf bl-Ingliż u bit-Taljan daqs li kieku qed tintagħżel biex isservi ta’ ġurat fil-qorti jew ried ikollok proprjetà (jew martek) li fuqha kont tħallas għall-inqas sitt liri fis-sena jew qed iddaħħal dan l-ammont bħala renta mingħand ħaddieħor.

Jiġifieri kellu l-vot biss min kien raġel tal-professjoni jew tal-flus. Għalhekk seba’ fil-mija biss ta’ dawk aktar minn wieħed u għoxrin sena kellhom il-jedd jivvutaw. 93 fil-mija ma kellhomx dritt jivvutaw. 93 fil-mija ma kellhom ebda saħħa jinfluwenzaw b’xi mod dak li kien jagħġnilhom ħajjithom u qed jiġri madwarhom.

Photo Caption : Lil San Papa Ġwanni XXIII ivvutawlu biex isir Papa fl-1958 meta kellu 78 sena u mill-ewwel wera li se jkun Papa oriġinali, determinat li jġedded il-Knisja u jdaħħalha fid-dinja moderna tas-Seklu 20.

F’Malta l-elezzjonijiet għall-bidu d-dritt għall-vot ma kienx għal kulħadd. Fl-elezzjoni tat-13 u 14 Ottubru 1911 minn popolazzjoni ta’ aktar minn 211,000 persuna, madwar 114,000 kellhom aktar minn 21 sena imma setgħu jivvutaw 8,980 biss minnhom.

Artiklu preċedenti
Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport