Żagħżugħ ta’ 21 sena kien ikkundannat 10 xhur ħabs u mmultat €1,440 wara li wieġeb ħati li saq diversi vetturi mingħajr liċenzja u polza ta’ assigurazzjoni, mingħajr il-kunsens tas-sid kif ukoll li kkaġuna ħsara fihom.
Huwa kien tressaq il-Qorti mixli b’35 akkuża relatati ma’ serq ta’ karozzi, inċidenti ta’ hit-and-run, sewqan perikoluż kif ukoll li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ probation u meta kien ingħata l-libertà kkundizzjonata.
Huwa ammetta għal dawn ir-reati f’Ottubru li għadda, kważi sentejn wara li tressaq sabiex jaffaċċja dawn l-akkużi. Mir-rapport tal-uffiċjal tal-probation, ħareġ li ż-żagħżugħ kellu trobbija diffiċli u għadda minn diversi diffikultajiet u trawmi kawża tal-abbuż li sofra.
Huwa għex f’diversi homes u kien taħt care order. Barra minn hekk ilu għal diversi snin taħt kura psikjatrika u ddaħħal diversi drabi l-Isptar Monte Carmeli. Jirriżulta li huwa mhux dejjem ikkopera mal-professjonisti li ġew assenjati lilu u saħansitra waqqaf il-mediċina li ġiet preskritta lilu. Intqal ukoll li l-attitudni tiegħu fiċ-Ċentru tas-Servizzi Restorattivi Residenzjali (CoRRS) fl-Imtaħleb mhux dejjem kienet tkun eżemplari u fl-fatt f’numru ta’ ġranet huwa kellu jiġi maqful fiċ-ċella tiegħu.
L-awtoritajiet ta’ dan iċ-ċentru ppruvaw jagħtuh xi xogħol bi ħlas iżda dan kellu jitwaqqaf minn żmien għal żmien minħabba l-attitudni tiegħu. Fuq nota pożittiva huwa żamm kuntatt regolari m’ommu li qed tgħinu b’mod finanzjarju u ma’ wħud minn ħutu.
Il-Qorti qalet li tħoss li l-imputat kien sfortunatat f’ħajtu li twieled u trabba f’ambjent fejn min suppost kellu jieħu ħsiebu u jindukrah ma wettaqx dmiru sew b’riżultat li ġie espost għal abbuż verbali u fiżiku b’konsegwenzi serji għall-futur tiegħu.
Min-naħa l-oħra, ma setgħet tinjora l-fatt li minkejja li qed jingħata l-għajnuna minn diversi professjonisti, huwa mhux dejjem qed juri attitudni xierqa. Aktar minn hekk, ir-reati li wasslu għal numru ta’ ħsarat fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u agħar minn hekk setgħu kellhom konsegwenzi ferm iktar serji għan-nies li kienu qegħdin fiit-toroq li minnhom għadda l-imputat.
Il-Qorti żiedet tinnota li minkejja li kien hemm numru ta’ terzi li sofrew ħsarat fil-proprjetà tagħhom, l-ebda prova ma tressqet dwar l-istima ta’ dawn il-ħsarat. Apparti hekk, waqt li l-uffiċjal tal-probation kien qed iħejji r-rapport tiegħu, huwa ġie infurmat mill-Prosekuzzjoni li l-vittmi f’dan il-każ ma xtaqux jiġu intervistati minnu.
Fin-nuqqas ta’ dawn il-provi, il-Qorti ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li toħroġ ordni ta’ kumpens favur il-vittmi. Fl-istess ħin, il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-imputat ma kienx għadu għalaq it-18-il sena meta wettaq ir-reati.
Wara li qieset kollox, il-Qorti sabitu ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu piena ta’ 10 xhur priġunerija u multa ta’ €1,440 li trid titħallas fi żmien tliet snin.
Il-Qorti skwalifikatu wkoll milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmen sitt snin u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin.
Fid-dawl li l-ħati għandu bżonn assistenza psikoloġika u kura psikjatrika, il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordn sabiex fil-perjodu li se jagħmel il-ħabs, jingħata l-għajnuna u l-aċċess għall-professjonisti meħtieġa.