100 jum bis-saħħa tiegħek: ‘Ħdimna flimkien biex negħlbu l-isfidi u nkomplu fit-triq tal-progress’ – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt konferenza f’San Ġiljan li mmarkat l-ewwel 100 jum ta’ gvern ġdid, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin se titħabbar miżura li se tgħin aktar liż-żgħażagħ li jridu jibdew negozju.

Dr Abela ħabbar li ż-żgħażagħ li jibdew start-up se jingħataw servizz ta’ assistenza legali mingħajr ħlas, filwaqt li se jkunu eżenti milli jħallsu l-miżati tal-Malta Business Registry fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tan-negozju tagħhom.

Il-Prim Ministru Abela ħabbar ukoll li l-Kabinett approva strateġija aġġornata dwar l-intelliġenza artifiċjali, wara li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li nieda tali strateġija. “Kemm jien kuntent li tant eluf ta’ Għawdxin u Maltin ipparteċipaw b’suċċess diġà fil-programm AI għal kulħadd. Inħeġġeġ aktar nies biex jagħmlu dan il-pass importanti,” qal Dr Abela.

Huwa ħabbar ukoll li l-ewwel budget ta’ din il-leġiżlatura se jfisser, “Titjib ieħor bla preċedent fis-servizzi soċjali, speċjalment għall-anzjani tagħna u dawk b’diżabilità u tnaqqis ieħor bla preċedent fil-piż tat-taxxi fuq il-ġenituri.”

Waqt id-diskors tiegħu, Dr Abela ħabbar ukoll li l-Gvern għaddej bil-proċess ta’ akkwist ta’ faċilitajiet tal-ħażna tal-enerġija fil-batteriji. “Se nkunu qed nibdew ix-xogħol relatat li se jagħmel is-sistemi tagħna aktar reżiljenti. Dawn huma s-soluzzjonijiet li qed noffru mhux ħafna diskors populista,” sostna Dr Abela.

Dr Abela elenka wkoll il-ħidma tal-Gvern fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura, fosthom aktar aċċess għall-IVF, abbozz biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-inugwaljanza, ħidma favur persuni b’diżabilità, garanziji legali li parks u spazji miftuħa jkunu protetti u r-riformi li qed jitwettqu fis-settur tat-turiżmu. Irrefera wkoll għar-riforma fl-appelli tal-ippjanar fejn semma kif din intlaqgħet tista’ tgħid minn kulħadd, inkluż minn min kellu riservi dwarha.

Semma l-investiment f’lezzjonijiet tal-għawm għat-tfal u kif persuni b’diżabilità severa li jixtru l-ewwel proprjetà ġiet irduppjata l-għotja li jirċievu biex tkun ta’ €20,000. Dan filwaqt li l-għotja tal-first-time buyers se jibdew igawdu minnha wkoll dawk li jisseparaw jew li jibdlu l-proprjetà tagħhom għax għandhom bżonn proprjetà iżgħar jew akbar.

Dr Abela aċċenna fuq l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha bħala l-bażi biex il-pajjiż ikompli jipprogressa.

“Fl-aħħar xhur l-ekonomija tagħna baqgħet tikber b’mod sostenibbli, madwar ħames darbiet il-medja Ewropea. Il-ġid li jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku qed jasal għand il-poplu tagħna,” kompla jgħid il-Prim Ministru, filwaqt li kkwota sondaġġ tal-Kummissjoni Ewropea li juri li l-poplu Malti huwa l-uniku wieħed ottimist dwar l-ekonomija fl-UE.

“Mingħajr ekonomija b’saħħitha, minflok riformi progressivi nispiċċaw fil-morsa tal-awsterità li qed twassal għall-instabbiltà politika u staġnar soċjali fil-pajjiżi madwarna,” sostna Dr Abela.

Intant, Dr Abela rrefera wkoll għall-fatt li mill-1 ta’ Ottubru se tidħol fis-seħħ ir-riforma fil-Qorti tal-Familja li se twassal biex tissaħħaħ il-medjazzjoni u jkunu protetti aħjar it-tfal.

“Mitt jum bis-saħħa tagħkom fejn ħdimna flimkien biex negħlbu l-isfidi u nkomplu fit-triq tal-progress,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru temm jirrimarka kif l-ewwel kisbiet se jservu ta’ xprun għal kisbiet akbar. “Iva, quddiemna għandna sfidi kbar, imma bis-saħħa tagħkom nemmen u konvint li naslu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Indirizzaw ukoll il-konferenza: George Vella, managing partner ta’ Grant Thornton Malta, Antoine Zammit, perit u direttur ta’ STUDJURBAN, Isabelle Saliba, konsulent fil-qasam tas-saħħa speċjalizzata fil-ġinekoloġija, l-ekonomisti Juergen Attard u Jonathan Spiteri, kif ukoll Alistair Degaetano, speċjalista fil-politika dwar id-diżabilità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport