Fl-2024, The Malta Records iċċertifikat mal-100 rekord nazzjonali ġdid, li huwa d-doppju ta’ dak li kien irreġistrat fis-sena ta’ qabel. Dan juri li aktar nies qed jersqu ’l quddiem biex jew jipprovaw jiksru rekord li diġà sar f’pajjiżna jew inkella jkunu huma stess li joħorġu b’idea ġdida u innovattiva li bħalha ma nkunux rajna qabel. Oħrajn saħansitra jmorru pass oltre u jittantaw li jiksru rekords dinjin. Fuq kollox dawn huma rekords li jqanqlu interess kbir anke fost il-pubbliku inġenerali.
Ir-rekords li nkisbu f’pajjiżna matul l-2024 kienu varji u mifruxa matul ix-xhur kollha tas-sena. Kienu rekords li wrew il-ħidma, il-kreattività u l-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin f’diversi oqsma. Biss biss, kien hemm 29 rekord marbuta mal-festi tradizzjonali u 16 oħra nkisbu fil-perjodu festiv tal-Milied. Fost dawn kien hemm l-akbar gingerbread man fil-Fgura, l-akbar presepju mpitter u armat ma’ faċċata ta’ residenza għal żmien il-Milied f’Ħal Lija u l-akbar tapit tan-nar tal-art f’Ħaż-Żabbar għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja.
Kien hemm ukoll rekords oħra differenti li ngħataw lill-iżgħar persuna li ġiet eletta f’elezzjoni, lill-iżgħar tifla bl-itwal xagħar fil-gżejjer Maltin u lil tifel li għalkemm għad għandu 13-il sena għamel id-dawra ta’ Malta bir-rota.
Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Jeffrey Saliba, wieħed mill-membri tal-ġurija ta’ The Malta Records li tana ħarsa dettaljata ta’ meta bdew isiru dawn ir-rekords u kif dawn komplew jikbru u jiżdiedu tul is-snin.
Saliba beda biex qal li The Malta Records bdiet minn ħolma bejn erbat iħbieb f’Novembru tal-2012. Ħadd minnhom ma basar li wara biss sena mill-bidu tagħha, The Malta Records kienet se ssir riferiment ewlieni ta’ bosta għaqdiet u individwi.
“Sa mill-bidu nett, l-għan prinċipali ta’ The Malta Records kien u għadu li tiċċertifika u tapprezza l-ħidma, il-kreattività u l-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin f’diversi oqsma bħal kant, żfin, kollezzjonijiet, arti, festi, sport, gastronomija u dak kollu li twassal il-kreattività u l-kapaċità tal-bniedem,” qal Saliba.
“L-idea nibtet minn nies li jkunu fil-każini fejn bdew isemmu numri differenti u jgħidu ’tagħna l-akbar ammont’. F’Malta dejjem kien hemm dik ix-xewqa li jkun hemm struttura u parametri ta’ dawn ir-rekords.
“Fl-2013 u fl-2014 kien hemm għadd kbir ta’ rekords ġodda. L-interess kien wieħed kbir mill-għaqdiet tal-festi u anke dwar prodotti tal-agrikoltura. Maż-żmien, The Malta Records bdiet tagħmel bejn 50 u 70 rekord fis-sena,” huwa żied jgħid. “Illum il-ġurnata n-numru ta’ rekords kompla jiżdied tant li fl-2024 ilħaqna l-100 rekord.”
Saliba jgħid li dawn ir-rekords iġibu magħhom ċertu livell ta’ kompetizzjoni f’oqsma differenti. Qed jiġi nnutat ukoll li hemm rekords li permezz tagħhom qegħdin jinħolqu rekords oħra bħal pereżempju s-sena li għaddiet inħarġu ċertifikati għall-akbar gingerbread u l-akbar villaġġ tal-gingerbread.
Saliba tenna li dawn ir-rekords qegħdin jimpressjonaw ukoll lill-pubbliku inġenerali fejn ikun hemm min li meta jisma’ b’rekord partikolari jmoru b’mod speċifiku f’dik il-lokalità biex jassisti għalih.
“Bħala The Malta Records ninsabu kuntenti l-aktar għax qed nippromwovu l-festi, il-kultura, il-kapaċitajiet sportivi u anke l-kollezzjonisti. Niltaqgħu ma’ nies li jkunu għaddejjin minn xi problemi f’ħajjithom u jgħidulna li dan ir-rekord ifisser id-dinja għalihom,” kompla jgħid Saliba.
Spjega wkoll li kull rekord jittieħed bl-akbar serjetà. Qabel ma jinħareġ ċertifikat oriġinali, ir-rekord jiġi evalwat, iġġudikat fuq il-post mill-ġurija, irreġistrat, arkivjat u fl-aħħar nett joġi apprezzat minn ħafna nies li huma għatxana għal dawn it-tip ta’ rekords.
Mistoqsi x’rekords se nkunu qed nassistu għalihom din is-sena, Saliba jgħid li fil-jiem li ġejjin nistennew rekords marbuta mal-Karnival u anke mal-Ġimgħa l-Kbira. Mingħajr ma żvela wisq dettalji, huwa qal li se jkun hemm rekords tal-ewwel xorta tagħhom li se jtulu sena sħiħa – jibdew minn Jannar u jispiċċaw f’Diċembru – li fi kliemu dawn se jkunu “sensazzjonali”. Tenna li x-xewqa tagħhom hi li jkun hemm aktar rekords dwar sports.
Saliba temm jgħid li dawn ir-rekords se jkunu wkoll iddokumentati fi ktieb li mistenni joħroġ ta’ kull sena u li se jservi ta’ punt ta’ riferiment għal dawk kollha li qed jaħsbu liema rekord jixtiequ jiksru.