Friday, November 15, 2024

11-il proposta oħra mill-manifest elettorali għall-Budget 2023 għas-setturi tad-diżabilità, il-volontarjat u d-drittijiet tal-konsumatur

Aqra wkoll

Għas-sena li ġejja u bħala parti mill-Budget 2023 Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur se jkun qed jindirizza 11-il proposta oħra mill-manifest elettorali għas-setturi tad-diżabilità, il-volontarjat u d-drittijiet tal-konsumatur. 

Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur għandu allokat ftit inqas €56 miljun. Dan l-investiment se jgħin biex inkomplu nżidu u nsaħħu s-servizzi li nagħtu lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, filwaqt li nkunu ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji u d-drittijiet tal-konsumatur.

Hekk sostniet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha semmiet diversi inizjattivi pożittivi li se jkunu qegħdin jiġu ffinanzjati mill-Budget tas-sena d-dieħla. 

Fost l-akbar investiment hemm dak li se jkun qed jgħin lill-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb iben jew bint adult/a b’diżabilità severa.  Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif b’investiment bla preċedent ta’ €1.8 miljun dawn il-ġenituri se jirċievu sa aktar minn 9 darbiet fil-Carer’s Grant, jiġifieri minn €500 fis-sena se jibda jirċievi €4,500 fis-sena. B’riżultat ta’ din il-miżura, se jkunu qegħdin jibbenfikaw ftit aktar minn 400 ġenitur. 

Il-Ministru qalet li dan il-Budget huwa msejjes b’miżuri li juru r-rieda tal-Gvern li rridu nimbuttaw ‘il quddiem l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità, proprju kif titlob l-Istrateġija Nazzjonali għall-persuni b’diżabilità.

Fost dawn hemm l-investiment ta’ €4.2 miljun fl-iskema bl-isem ta’ Independent Community Living biex aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom permezz ta’ Assistent Personali.  Marthese Mugliette President tal-MFOPD li tirrappeżenta 36 NGO fis-settur tad-diżabbilta’ faħħret din l-inizjattiva kif ukoll il-fatt li dan il-Budget irrikonoxxa din l-assistenza għal ħajja indipendenti fil-komunità.

Min-naħa tagħha, l-akkademiku u ġenitur Dr Olivia Galea Seychell, semmiet il-mument li fih spjegat lil binha, li huwa fuq l-ispettru tal-awtiżmu li jista’ jibda jkollu assistent personali. Spjegat li t-tweġiba tiegħu kienet li issa jista’ jgħix ħajja aktar indipendenti. 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet ukoll kif se jkun qed jingħata sussidju ta’ 20% fuq xiri ta’ vetturi ġodda li jinstaqu minn persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Dawk li jixtru karozza modifikata second-hand (inklużi karozzi mgħammra b’lifts jew rampi) li tkun reġistrata diġà, ser jibdew jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw minn sussidju ta’ mhux aktar minn 10% fuq il-prezz tal-karozza. B’dan il-mod se nkunu qegħdin insaħħu l-kunċett indipendenti tad-Drive from Wheelchair. Il-Il-Ministru spjegat kif minbarra s-servizzi ta’ terapiji b’xejn li joffri l-Gvern, mis-sena d-dieħla se jkun introdott il-kunċett ta’ €200 tax credit, kull sena għal kull tifel u tifla li jingħataw terapiji fil-privat.

Il-Gvern se jara wkoll li persuni b’diżabilità jkunu mwieżna mil-lat finanzjarju b’investiment ta’ €33 miljun, żieda ta’ €2.8 miljun mis-sena 2022. Fil-Budget kien imħabbar li l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tiżdied b’ €9.90 fil-ġimgħa u se titla’ għal €174.80 fil-ġimgħa, l-Assistenza għal Diżabilità Severa se tizdied b’€6.60 fil-ġimgħa u se titla’ għal €116.12 fil-ġimgħa u l-Assistenza għal Diżabilità se tiżdied b’€6.60 fil-ġimgħa u se titla’ għal €90.59 fil-ġimgħa.

Matul l-2023 se tkun indirizzata miżura pożittiva oħra: it-Test tal-mezzi tal-iskemi tal-Awtorità tad-djar li se jibda jeskludi minnu benefiċċji mogħtija lil persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet ukoll kif għal darba oħra l-Gvern se jkompli jħares u jsaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur billi kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, jerġa’ jogħla l-ammont massimu ta’ €5,000 li fuqhom jistgħu jsiru talbiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Barra minn hekk, il-Gvern se jkompli jsostni lill-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin b’riforma li se ssir fis-settur u b’one-stop-shop fejn l-għaqdiet jistgħu jsibu servizzi u sapport taħt saqaf wieħed.

Ekonomija

Sport