Monday, May 13, 2024

11-IL SENA TA’ GVERN LABURISTA

Aqra wkoll

Bħal-lum 11-il sena ilu l-poplu kien imsejjaħ sabiex jivvota f’elezzjoni ġenerali li saret fi tmiem kampanja elettorali li damet għaddejja madwar xahrejn. Kienet kampanja importanti fejn iż-żewġ partiti ewlenin ippreżentaw il-proposti tagħhom ta’ fejn riedu jieħdu lil dan il-pajjiż fis-snin ta’ wara.

Dakinhar il-poplu b’maġġoranza qawwija u assoluta għażel lill-Partit Laburista, li minnufih xammar il-kmiem u beda ħidma fuq diversi setturi sabiex ikun jista’ jwieżen lil kulħadd b’mod partikolari lil dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna. Bdiet il-ħidma fuq sensiela ta’ riformi li wasslu għal avvanzi soċjali, politiċi u ekonomiċi. Il-libertajiet ċivili li qatt ma konna naħsbu li setgħu jitwettqu f’pajjiżna kienu prijorita. 

Madankollu, irridu nirrikonoxxu li tul dawn l-aħħar 11-il sena, mhux kollox kien ward u żahar. Il-pajjiż ma kienx nieqes mill-isfidi li kellu jaffaċċja. Sfidi li wħud minnhom ħallew impatt xi ftit jew wisq negattivi. Fost dawn kien hemm il-bidla fil-kariga ta’ Prim Ministru, il-pandemija talp-Covid 19 u anke ż-żewġ gwerer, fl-Ukrajna u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Iżda quddiem dawn l-isfidi kbar, kien hemm Gvern b’saħħtu u reżiljenti li kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dejjem poġġa l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox. Għaraf ukoll kif idawwar l-isfidi f’opportunitajiet fl-istess waqt li kompla jgħin lill-familji u n-negozji anke f’dawn l-iktar mumenti iebsin. B’dan il-mod il-Gvern assigura li ħadd ma jaqa’ lura u nkomplu fit-triq tal-progress li qbadna matul is-snin ta’ qabel. 

F’dawn il-11-il sena, rajna bosta kisbiet soċjali bħalma kienu ż-żieda ta’ kull sena fil-pensjonijiet, iż-żidiet fiċ-children’s allowance u għajnuniet u inċentivi oħra ntiżi sabiex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-miżura taċ-childcare b’xejn, li kellha effett pożittiv ferm u li nkoraġġiet lil ħafna nisa biex joħorġu jaħdmu kif ukoll iż-żieda fil-paga minima. 

Ma’ dawn hemm ukoll it-tibdil fil-liġi tal-IVF, iż-żieda fl-istipendji u l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għall-vulnerabbli. Rajna wkoll diversi inċentivi li attiraw aktar investiment lejn pajjiżna u b’hekk setgħu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol tant li llum pajjiżna huwa bl-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. 

Quddiem dawn il-kisbiet kollha, ċivili u ekonomiċi, il-Gvern kompla jkun kredibbli fl-għajnuna li baqa’ jagħti mhux biss lill-familji imma anke lin-negozji, bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils fost oħrajn. 

Għalhekk dak kollu li sar f’dawn l-aħħar 11-il sena, nemmnu li huwa garanzija għall-ġejjieni aħjar. Ġejjieni li mhux biss jidher li huwa sabiħ imma li se jgawdu minnu l-faxex kollha tas-soċjetà biex kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. 

Sport