Friday, July 24, 2026
Home Sport ‘Hija tassew esperjenza sabiħa li tara lil bosta klabbs Maltin jitolbu għal...

‘Hija tassew esperjenza sabiħa li tara lil bosta klabbs Maltin jitolbu għal servizz li huwa kruċjali għal-logħba tal-futbol’ – Dr Jeancarl Azzopardi

0
71

Minn Cristian Muscat

Kif iddeċidejt li ssir fiżjoterapista tal-isport?

Iddeċidejt li nsir fiżjoterapista minħabba li kont nilgħab bħala goalkeeper mal-Gudja FC fl-Ewwel Diviżjoni u kont inweġġa’ u saħansitra dejjem kont immur għand il-physios u għand it-tobba u għalhekk wara fiżjoterapista komplejt biex nilħaq tabib ukoll.

Bħala esperjenza ta’ fiżjoterapista fi klabb tal-Premier biex inżommu fil-qasir tista’ tiddeskriviha bħal qisu għandek familja ġdida u int responsabbli għall-kura tagħha. Ħinijiet ma jeżistux. Il-plejers huma kemm nies li tarahom bħala sħabek u kemm nies li fl-aħħar tal- ġimgħa huma r-responsabbiltá tiegħek li jilagħbu u jkunu fl-aqwa kundizzjoni possibli. Trid tara dejjem kif tilħaq bilanċ bejn il-kuntentizza tal-kowċis, tat-team managers, tal-plejers infushom waqt li tikkonsidra wkoll is-sitwazzjoni tat-tim li tkun qed taħdem għalih.

Bdejt naħdem fil-bidu mal-klabb tal-Mosta fil-Premier. Imbagħd żidt naħdem u ngħin klabbs oħra fosthom Għaxaq FC għax kont nilgħab hemm meta kont żgħir. Zidt li naħdem mal- Msida St Joseph FC mbagħad wara għamilt staġun mal-Gudja fejn għoġobni l-fatt li bdejt ngħolli l-livell tal-kura u nitgħallem minn plejers bħal Rodolfo Soares u Marcelo Dias fejn anke huma kellhom esperjenza ta’ xi tfisser kura professjonali.

Komplejt l-istaġuni ta’ wara ngħin lil Gudja United FC minn ġol-klinika biss u żidt li ngħin lill-klabbs oħra inkluż lil St George’s FC, Qrendi FC, Lija Athletic FC u Dingli Swallows FC fejn bdejna ngħinu fuq il-bżonnijiet neċessarji ta’ kull ġimgħa kif ukoll ġol-klinika.

Żidna wkoll lil San Ġwann FC u lil Xgħajra Tornadoes FC mat-timijiet li nieħdu ħsieb. Ovvjament, meta tkun qed tgħin dan il-volum ta’ plejers, ikolli l-għajnuna ta’ fiżjoterapisti kif ukoll ta’ tobba oħrajn.

Żidna li ngħinu lil Zebbug Rangers FC ukoll. Klabbs bħal Lija, Dingli, Hibernians u Dingli responsabbli għall-kura tan-nurseries tagħhom ukoll. Mexxejna biex nieħdu ħsieb ukoll lil Kalkara FC u Zejtun Corinthians FC. Hija tassew esperjenza sabiħa li tara lil bosta klabbs Maltin jitolbu għal servizz li huwa kruċjali għal-logħba tal-futbol.

Kemm huwa importanti x-xogħol ta’ fiżjoterapsita tal-isport biex jipprevjeni injuries fl-isport?

Rigward ix-xogħol ta’ fiżjoterapista hemm bżonn li nżidu ċerta kuxjenza fuq kif għandu jsir u x’inhu fil- veritá xogħlu. Ghadna fi stat fejn il-mentalitá hija li nieħdu ħsieb injury flok li nipprevenuha. Hemm bżonn li jkun hemm iktar ħidma biex l-istaff tekniku jafda li jsir xogħol siewi min-naha tal-physio u min-naħa tal- physical trainer biex innaqqsu l-livell tal-injuries qabel jaslu biex nieħdu ħsiebhom.

Tara d-differenzi bejn il-klabbs. Hemm minnhom li huma iktar proattivi biex inaqqsu l-injuries u f’dawn it- timijiet tara li r-rata tal-injuries hija ħafna inqas minn meta kkumparata ma’ timijiet oħra.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f pajjiżna fil-preżent, u kif rajtha tinbidel matul is-snin?

Il-mentalitá tal-isport f’Malta avolja qed titjieb xorta għadna verament lura, mhux bilfors min-naħa tal- atleta iżda min-naħa tal-istruttura li qegħdin ġo fiha. Il-professjonaliżmu jibda minn mindu tkun tifel jew tifla żgħira minn x’ħin tqum sakemm torqod. L-atleta ġo dan il-pajjiż sfortunatament iridu jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna iktar ostakli matul il-ġurnata li jżommhom lura milli jilħqu l-aqwa potenzjal tagħhom fl-aqwa tal-karriera tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir fiżjoterapsita tal-isport.

Għal kull min jixtieq jaħdem bħala fiżjoterapista speċjalment fl-isport inħeġġiġhom biex jidħlu. Hija ħajja vera impenjattiva u ta’ sodisfazzjon enormi meta tara individwu li jkun qiegħed fl-agħar kundizzjoni tiegħu u tarah jerġa’ jasal fl-aqwa tiegħu!