Friday, May 3, 2024

110,000 persuna evakwati minn djarhom wara għargħar kbir fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Aktar minn 110,000 persuna ġew evakwati minn djarhom fiċ-Ċina wara li jiem ta’ xita qawwija kkawżaw għargħar kbir fil-provinċja ta’ Guangdong. Qed ikun irrapportat li s’issa mietu erba’ persuni, filwaqt li 10 oħra għadhom irrapportati nieqsa.

Filmati fuq il-midja tal-istat u fuq l-internet urew meded kbar ta’ art mgħarrqa mill-għargħar u l-ħaddiema ta’ salvataġġ itellgħu n-nies fuq id-dgħajjes tagħhom biex iwassluhom f’post sigur.

Sadanittant, l-awtoritajiet fil-pajjiż wissew li l-livell ta’ xmara fit-Tramuntana ta’ Guangdong jista’ jilħaq għoli li narawh “darba f’100 sena”, għalkemm dan kien għadu ma mmaterjalizzax sal-bieraħ f’nofsinhar.

Il-kapitali provinċjali Guangzhou kif ukoll bliet oħra iżgħar fosthom Shaoguan u Heyuan kienu fost l-aktar milquta mill-għargħar. Madwar il-provinċja, xejn inqas minn 1.16 miljun familja spiċċaw bla dawl fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iżda 80% minnhom kellhom il-provvista tal-elettriku lura sal-Ħadd billejl.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet taċ-Ċina Xinhua, mill-inqas 110,000 persuna ġew evakwati, b’madwar 25,800 minnhom isibu kenn f’xelters. Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Baiyun f’Guangzhou tħassru xi titjiriet jew kien hemm dewmien f’xi titjiriet oħra minħabba xita kontinwa, filwaqt li l-iskejjel ġew ordnati jingħalqu f’mill-inqas tliet ibliet.

Għexieren ta’ djar madwar il-provinċja jew waqgħu jew ġarrbu ħsarat serji, bl-awtoritajiet jistmaw telf ekonomiku dirett ta’ kważi 140.6m wan ($19.8m).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport