Friday, December 20, 2024

111-il-sena, tliet xhur u 25 ġurnata – Rekord storiku

Kitba u riċerka, il-Professur Raymond Mangion

Aqra wkoll

Illum 2 ta’ Lulju se tkun ġurnata memorabbli u bla preċedent fl-istorja ta’ Malta u ta’ Għawdex, Maria Farrugia. Imwielda Galea, il-mara ta’ Ġorġ Farrugia, tagħlaq 111-il sena, tliet xhur u 25 ġurnata jekk ma tingħaddx il-ġurnata li fiha twieldet – is-7 ta’ Marzu. Hu fatt straordinarju u sensazzjonali li Maria Farrugia issa hija l-iżjed persuna li għexet fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha minn kemm ilu li bdew jittieħdu r-rekords mir-Reġistru Pubbliku, jewwilla mill-Insinwa, sa mill-1863. Hija aktarx l-iktar persuna li għexet fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha sa mill-1539, jiġifieri sa mill-eqdem kotba eżistenti tar-rites of passage fil-pussess tal-knejjes parrokkjali kollha f’pajjiżna, li huma dawk tal-Birgu jew tal-Belt Vittoriosa, u allura sa minn ftit iktar minn 25 sena qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565.

Sal-lum, ir-record holder tal-ixjeħ Malti u Maltija kien Ġanni Schembri mlaqqam “Il-Giġa” minn Ħal Qormi, li, kien twieled fl-1757, oħroġ il-għaġeb fl-istess jum li fih kellha titwieled Maria Farrugia, ċjoè s-7 ta’ Marzu. Ġanni daħal jiġbed il-minfaħ fil-ħaddedija ta’ wieħed minn raħal twelidu. Imbagħad xriek ma’ zijuh bil-ħanut fil-Belt Valletta. Ta’ 25 sena kien lavrant ma’ ħabbież fi Strada Carri u wara taħt il-Main Guard fil-Kapitali fejn iktar lejna wieħed kien isib ir-ristorant “Ta’ Malata”. Iżżewweġ lil Zolli Debono minn Birkirkara fil-25 ta’ April 1797 meta hu kellu 40 sena u għarustu xi 15-il sena iċken minnu!

Ġanni kellu ħajtu miżgħuda bl-avventuri. Inkiteb bħala suldat u rnexxielu jilħaq Kapural. Kien ipparteċipa f’waħda mill-gwerer Anglo-Franċiżi u minħabba nuqqas ta’ tattika u strateġija, il-Maltin tilfu 75 kumbattent u żewġ fizzjali minbarra ħażniet ta’ munizzjon u ta’ provviżjon għalkemm l-istendardi ħbewhom ma’ qadd in-nisa sakemm ħarquhom biex ma jaqgħux f’idejn l-għedewwa. Ġanni nqabad priġunier u dam seba’ snin fi Franza. Inħeles wara l-pesta tal-1813 u rritorna mal-għażiża martu u wliedu li bdew jitnaqqru wara xulxin billi l-ħrief bdew jitilqu qabel in-nagħaġ. Ruħu sulu, bdew jagħtuh l-għexiewi bil-għali, u rsolva li jitkennen fl-Ospizju tax-Xjuħ (iktar tard id-Depot tal-Pulizija) fil-Furjana meta kellu 93 sena.

Minn hawn ’il quddiem, beda jżomm lilu nnifsu b’mod għaqli: jiekol bil-qies, ma jpejjipx, ma jiħux lanqas niskata waħda. Twil ħames piedi kollox, mibrum, naqra matnazz, daħkani, bla snien imma jomgħod tajjeb fuq il-ħniek ibsin, kien ipaspar fuq dak li ġarrab iżda jirrakkonta b’serjetà dwar avvenimenti nazzjonali fosthom ir-Rewwixta tal-Qassisin immexxija minn Don Gaetano Mannarino (1775). B’ġerħa fuq ġismu li kienet tifkira ta’ xi taqbida li fiha kien ħa sehem, b’xuxtu xehba, b’dirgħajh u b’riġlejh bit-tattwaġġ li kien pinġa meta kien fis-servizz, ta’ 108 snin kien għadu jippassiġġa b’mixja rżina u bla bastun.

Kienet sfortuna bla mistennija meta Ġanni żelaq, kiser l-għonq ta’ koxxtu, qabdu d-deni u miet fis-7 ta’ filgħodu fit-2 ta’ Lulju 1868 meta kellu 111-il sena, tliet xhur u 25 ġurnata. Kien għad għandu l-organi u l-ġewwieni fi stat tajjeb. Indifen fil-Kampusant ta’ Tal-Pietà billi ċ-Ċimiterju ta’ Maria Addolorata f’Tal-Ħorr, Raħal Ġdid, kien jonqsu mas-sentejn biex jiżżanżan. Ġanni għex taħt tliet saltniet: il-Kavallieri Ospidaljeri ta’ San Ġwann, il-Franċiżi kif ukoll l-Ingliżi.

Ftit qabel Ġanni Schembri ħalla dan il-wied ta’ dmugħ, f’Malta twaqqaf ir-Reġistru Pubbliku jew l-Insinwa, sewwasew fl-1863. B’hekk, it-telfa tiegħu kienet annotata uffiċjalment, iswed fuq l-abjad, fir-repositorju ewlieni ġdid tal-Istat. Minn dakinhar li miet sal-lum ħlief għal Maria Farrugia, ħadd ma laħaq l-età venerabbli tiegħu minkejja l-avvanzi fil-mediċina u fil-kirurġija, fl-iġjene u fis-saħħa pubblika. Issa, Maria Farrugia hija inkurunata bix-xettru tal-aktar figura anzjana, li Ġanni Schembri kien ilu jxidd għal iżjed minn seklu u nofs.

Maria Farrugia twieldet fl-akkwata ta’ “San Silvestru” fil-Mosta fis-7:30 ta’ filgħodu fis-7 ta’ Marzu 1912, u hi bint Anġlu Galea “Tal-Partiżan” mill-Mosta u Anna mwielda Bezzina mill-familja “Ta’ Mustaċċja”. Il-ġenituri kellhom ħemel ulied iżda salvaw ħamsa. Ommha mietet ta’ 100 sena u tliet xhur fl-1982.

Missierha Anġlu kien jaħdem ix-xatt fejn kien iġorr fuq spalltu l-qfief tal-faħam minn fuq il-braken għal fuq l-art billi kien jaqsam il-fallakki. Hu kien il-ħin kollu jisfida l-mewt għaliex ma kienx jaf jgħum. Iżjed tard missierha Anġlu, li kien isus biex jaqla’ l-ħobżna ta’ kuljum, ħadem fir-razzett “Ta’ Viku” (Ludovico Agius) li kien fost l-isbaħ binjiet vernakulari ta’ Malta u li kien spjanat permezz ta’ buldowżer biex jagħmel wisa’ għal supermarket f’Santa Venera.

Maria twieldet u għexet fi żmien il-għaks u ma tgħallmitx skola uffiċjalment. Madakollu bdiet taqra r-rumanzi bil-Malti li kienet tissellef, u anke ħadet lezzjonijiet tal-ħjata għand Sebja Catania f’Santa Venera. Barra minn hekk, Maria tħarrġet fil-gastronomija u saret taf issajjar.

Maria kellha diġà 11-il sena meta nbniet “L-Iskola l-Kbira” fil-Ħamrun taħt l-ewwel Gvern Responsabbli (1921-1930, 1932-1933) li daħħal l-“attendenza obbligatorja” fir-rigward tal-edukazzjoni primarja b’liġi ad hoc sanċita mill-Assemblea Leġislativa u mis-Senat fl-1923. Kienet tfisser li l-ġenituri kienu jintrabtu li jieħdu l-uliedhom l-iskola kemm-il darba kellhom jiddeċiedu minn rajhom li jagħmlu hekk. Maria trabbiet u kienet tilgħab iż-żibeġ fil-viċinanza sewwasew fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun.

Maria kienet fit-tfulija takkumpanja lil ommha meta kienet toħroġ bil-merħla tbigħ il-ħalib sold il-bott. Darba kellha libsa li fettlilha tħalliha fuq is-siġġu, u fid-daqqa u fil-ħin, kilithielha waħda mill-erba’ mogħżiet li daħlitilhom ġewwa. Imbagħad fi xbubitha, Maria ħadmet bħala ħassiela man-nies, u kienet tinżel tnaddaf għand “tal-pastizzi” ħdejn il-Knisja Filjali “Tal-Erwieħ” fil-Belt Valletta, fi żmien Dun Alfred Gatt.

Kellha 35 sena u kienet ilha miżżewġa ħames snin meta l-Amministrazzjoni Kolonjali b’maġġoranza Laburista fil-Kunsill tal-Gvern approvat Ordinanza li biha introduċiet l-edukazzjoni mandatorja għal kulħadd fl-1946.

Maria ngħaqdet fiż-żwieġ ma’ Ġorġ Farrugia mill-familja “Ta’ Majjin” mill-Imqabba fil-preżenza ta’ Dun Manwel Cardona, Viċi-Parroku tal-Ħamrun, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu, fl-4 ta’ Novembru 1941. Maria stess, bil-ħila tagħha, ħietet il-libsa tat-tieġ b’magna tas-saqajn tad-ditta Singer. Maria u Ġorġ maż-żwieġ daħlu joqogħdu fid-dar tal-ġenituri tagħha f’Misraħ il-Barrieri, imbagħad marru jabitaw fir-residenza n.10H, Triq Adelaide Cini, fil-Ħamrun. Kellhom tliet ulied: Anġlu, Josephine u Karmena.

Ġorġ ta’ Maria, li kien tewmi ma’ oħtu Ġużeppa, kien suldat mal-King’s Own Malta Regiment (KOMR) fit-Tieni Gwerra Dinjija iżda korra u ingaġġa mal-Air Raids Precautions (ARP) li kienu inaddfu fejn jiġġarraf, ineħħu d-debris, ifittxu lin-nies midrubin jew mirdumin. Hu ndarab serjament u fetaħ rasu beraħ u kien rikoverat fl-Isptar David Bruce tal-Imtarfa. Ġaladarba l-ħajja rritornat għan-normal, Ġorġ ħadem bħala ‘labourer’ mal-Gvern fit-taqsima tat-toroq iżda ma kellux 50 sena meta Maria romlot minnu.

Maria tistqarr li l-għażiż tagħha Ġorġ kien ħu Baskal Farrugia, għażeb sal-aħħar, li kien ħabib intimu ta’ Pawlu Burlò (ko-fundatur tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu fil-Ħamrun) li kien fuq kollox ħabrek biex tinfetaħ il-Kappella tal-Immakulata Kunċizzjoni – it-tieni parroċċa fl-istess subborg. Maria tenfasizza li Baskal kien li ħajjar lil Pawlu jagħtiha t-titlu ta’ dan il-kult Marjan – L-Immakulata Kunċizzjoni – billi Baskal kellu mħabba kbira lejn il-Madonna tal-Ġilju ta’ raħal twelidu l-Imqabba li tant kien jappoġġja, u Pawlu qagħad fuq ix-xewqa tiegħu. Pawlu kien wieħed mix-xhieda fiż-żwieġ ta’ Ġorġ u Maria. In parentesi, Karmni (imwielda Grima) omm Ġorġ u Baskal, kienet oħt Grezz, il-bużnanna tal-awtur.

Maria hi l-unika persuna ħajja f’Malta li għexet l-Ewwel Gwerra (1914-1918), l-Irvellijiet tas-“Sette Giugno” (7 u 8 ta’ Ġunju 1919), l-Ewwel Gvern Responsabbli (1921-30, 1932-33), it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-45), it-Tieni Gvern Responsabbli (1947-58), l-Indipendenza (1964), ir-Repubblika (1974), il-Ħelsien (1979) u Malta bħala Membru Sħiħ fl-Unjoni Ewropeja (2004). Baqgħet tiftakar it-tramm u l-ferrovija u bosta xeni ta’ Malta tal-imgħoddi.

Ma tantx għandha memorji sbieħ tat-tieni konflitt armat internazzjonali (1939-45). Ħuha Pawlu, li għamel żmien joħroġ idoqq it-terramaxka biex iċekċikha, kien vittma tal-ewwel attakk mill-ajru fuq Malta, fil-11 ta’ Ġunju 1940. Instab fi stalla fl-Imsida fejn daħal jistkenn iżda miet fil-Blues Emergency Hospital f’San Ġiljan.

Maria ssemmi, fost episodji oħrajn, li z-ziju tar-rispett Franġisk Scicluna, għadilli imsejjaħ “Frenċ Xofftu”, kien l-istess individwu li kien ħa battikata kbira biex jara jekk kienx għadu bnin u jittiekel il-laħam tal-ġwejjef ta’ għadd ta’ barrin li kienu nqatlu wara li vagun tal-“vapur tal-art” kien baqa’ dieħel fuqhom aċċidentalment ftit lil hinn minn Misraħ il-Barrieri nhar il-Festa ta’ San Ġużepp tal-Imsida, fl-1921.

Maria Farrugia baqgħet b’saħħitha u ta’ memorja brillanti wara li għalqet 100 sena fis-7 ta’ Marzu 2012. Hija baqgħet qrib ta’ bintha Carmen u r-raġel tagħha Peter u wliedhom Stephen u Lucienne. Mara ċkejkna fid-daqs, tipikament Maltija u Mediterranja, xagħarha abjad qotna, irventa, tirraġuna bħal tfajla, dejjem aġġornata dwar il-ġrajjiet kurrenti, u kollha ċajt, baqgħet għaddejja tħares ’il quddiem. Timxi bla ħatar u ħawtiela tassew, baqgħet tagħti daqqa t’id lil bintha Carmen, tkaċnar u tiffaċċendja. Ta’ 106 xorbot ix-xampanja u qabżet qatigħ bil-ferħ f’għeluq sninha.

Kelli x-xorti li nkun mistieden minnha kull meta żiedet sena maċ-ċentinarju b’quddiesa u b’riċeviment fid-dar. Sa din is-sena stess, ta’ 111-il sena, f’sensiha għalkollox u b’vuċi tabilħaqq soda, laqgħetni b’idejha miftuħin, u tajna l-isbaħ xewqat lil xulxin! AD MULTOS ANNOS.

Ekonomija

Sport