Mill-278 resident f’Residenza San Ġużepp, kien hemm 113 minnhom li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Dan qalitu l-istess dar tal-anzjani f’kumment li għamlet fuq il-midja soċjali.
Fil-kumment, il-maniġment ta’ Residenza San Ġużepp qalu li wieħed mill-miżuri li kienu qed jieħdu biex jikkontrollaw l-imxija tal-virus kien li jisseparaw lir-residenti skont ir-riżultat tat-test. Għaldaqstant każi pożittivi, dawk negattivi u residenti li qed jinżammu fi kwarantina mhumiex qed jiġu f’kuntatt ma’ xulxin.
B’kollox hemm seba’ tobba li qed joffru l-appoġġ kontinwu tagħhom, b’erbgħa minnhom huma konsulenti, filwaqt li t-tlieta l-oħrajn huma general practitioners, bi lkoll kemm huma jimmoniterjaw is-sitwazzjoni lejl u nhar.
Il-maniġment żied jgħid li t-tobba qed jieħdu wkoll kull deċiżjoni dwar jekk resident għandux jibqa’ jinżamm fir-Residenza, jew jekk għandux jiġi trasferit l-Isptar Mater Dei.
Il-kumment iżid jgħid li attwalment hemm ukoll 29 ħaddiem tar-residenza li wkoll irriżultaw pożittivi, b’50 impjegat ieħor li qed jinżamm fi kwarantina.
Il-maniġment ta’ Residenza San Ġużepp temm jgħid li l-biċċa l-kbira tar-residenti li rriżultaw pożittivi għall-virus kienu asintomatiċi.