Raġel ta’ 33 sena mill-Malażja ġie kkundnnat 12-il sena ġabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li kien daħħal Malta 14-il kilo ħaxixa tal-kannabis.
Hou Lo Kah kien arrestat fit-18 ta’ Mejju tas-sena l-oħra hekk kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’titjira minn Dubaj. L-uffiċjali tad-Dwana ssuspettaw li kellu d-droga fil-bagalja u għalhekk saret tfittxija.
It-tagħmir fl-ajruport wera li fil-bagalja kien hemm xi materjal organiku u meta nfetħet l-uffiċjali sabu 28 pakkett li kien fihom l-imsemmi kannabis.
L-imputat kien tressaq il-qorti fejn kien ġie mixli b’importazzjoni, pussess u assoċjazzjoni ma’ persuni oħra bi skop ta’ traffikar u nżamm arrestat.
Mit-testijiet fuq id-droga rriżulta li b’kollox kien hemm 14-il kilo b’persentaġġ medju ta’ cannabinoid ta’ 16% li kellha valur fis-suq ta’ madwar €153,000.
Huwa kellu jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Neville Camilleri bil-prosekuzzjoni u d-difiża qablu ma’ piena ta’ 12-il sena ħabs u multa ta’ €20,000 bl-imsemmi mħallef qabel mal-piena maqbula u magħġa ordna lir-raġel biex iħallas €6,465 fi ħlas tal-esperti mqabbdin fil-proċeduri.

