12-il żagħżugħ ġew immultati madwar €2,000 bejniethom li tħallsu fuq il-post wara azzjoni
immedjata mill-Pulizija fis-Swieqi, wara li nstabu qed jiksru l-bon ordni u l-paċi pubblika.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, meta l-Pulizija rċeviet rapport dwar numru ta’ persuni li
kienu qed jikkawżaw storbju eċċessiv fi blokk ta’ appartamenti fi Triq Cannataci, is-Swieqi.
Il-Pulizija waslet fuq il-post fi żmien qasir, waqqfet l-istorbju u ħadet l-azzjoni meħtieġa skont
il-liġi. It-tnax-il persuna nstabu responsabbli ta’ kontravenzjonijiet relatati mal-ksur tal-bon
ordni u l-paċi pubblika, kif ukoll rimi ta’ skart illegali u ngħataw multi amministrattivi fuq il-post.
Fuq il-post saru ukoll spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), fejn ġie stabbilit
ukoll li tmienja mid-disa’ appartamenti fil-blokk kienu qed joperaw bi ksur talkundizzjonijiet tal-liċenzja applikabbli. Konsegwentement, it-turisti li kienu qed joqogħdu flappartamenti affettwati ġew mitluba jitilqu mill-post u ġew rilokati f’akkomodazzjoni alternattiva.
L-operatur instab ukoll li kiser il-kundizzjonijiet regolatorji applikabbli. Għaldaqstant, l-MTA bdiet il-proċeduri ta’ infurzar billi ħarġet Enforcement Notice u ordnat il-waqfien immedjat tal-operat tal-blokk kollu ta’ appartamenti. Sussegwentement, il-binja ngħalqet kompletament sakemm l-operatur jikkonforma mar-rekwiżiti legali u regolatorji kollha applikabbli.
Matul tmiem il-ġimgħa, il-Pulizija ħarġet total ta’ 17-il multa fuq il-post għal diversi
kontravenzjonijiet bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħha, flimkien mal-entitajiet l-oħra, biex
tħares il-Bon ordni, tinforza l-liġi u tiżgura li l-operaturi josservaw l-obbligi regolatorji
tagħhom.
