Raġel ta’ 68 sena mill-Mellieħa instab ħati li pprova joqtol lil martu b’daqqiet ta’ martell waqt li kienet rieqda fid-dar tagħhom fil-Mellieħa. Il-ġurati ħarġu b’verdett ta’ 6 kontra 3. Is-sentenza għad trid tingħata.
Emanuel Borg kien mixli li fil-11 ta’ Novembru 2019 pprova joqtol lil martu Maria Dolores fid-dar tagħhom bil-mara sofriet ġrieħi serji tant li kienet fil-periklu tal-mewt. Hija mietet xi snin wara b’kawżi naturali.
Skont l-att ta’ akkuża, il-koppja kellha argument wara li r-raġel talab lil martu tisilfu €300. Allegatament qam ukoll argument ieħor dwar persuna li kienet se tibda tgħix fir-residenza tagħhom. Il-prosekuzzjoni sostniet li wara l-argument, l-akkużat allegatament daħal fil-kamra tas-sodda fejn martu kienet rieqda u taha diversi daqqiet bil-martell f’rasha u f’wiċċha.
Wara l-allegat attakk, huwa ċempel lid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u qal li kien għadu kemm sawwat lil martu u li kienet mitlufa minn sensiha. Meta waslu fuq il-post, il-pulizija arrestatu wara li allegatament qal lill-uffiċjali li kien hu li sawwat lil martu. Il-mara sofriet ġrieħi serji, fosthom ksur fil-kranju u fil-wiċċ, u għal xi żmien kienet fil-periklu tal-mewt.
Il-ġuri instema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bil-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Justine Brincat f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li l-akkużat kellu jiddefenduh lill-Avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella.
