Fl-ewwel tmien xhur tas-sena kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ rapporti ta’ reati kriminali u fost l-iktar ċifri li jispikkaw hemm it-tnaqqis fin-numru ta’ serqiet irrapportati. Minn tagħrif li kisbet inewsmalta wara talba lill-Ministeru għall-Intern jirriżulta li filwawt li bejn Jannar u Awwissu tal-2019 kienu rrapportati 4,344 serqa sa Awwissu ta’ din is-sena kienu rapportati 3,128 serqa.
Jirriżulta li fost l-iktar reati marbuta ma’ serq li rnexxielhom jonqsu, jew saħansitra jkunu mrażżna riżultat ta’ ħidma li saret mill-Korp tal-Pulizija kien hemm il-pickpocketing u s-serq mill-vetturi, b’inewsmalta tista’ tikkonferma li dan kien effett dirett li l-pulizija kisret ħidma ta’ ċrieki ta’ persuni li kienu l-imħuħ wara dan it-tip ta’ serq. Din hija t-tieni sena konsekuttiva fejn qed ikun irreġistrat tnaqqis kbir mill-pickpocketing.
Interessanti li filwaqt li fi żmien li pajjiżna kien bil-limitazzjoni tal-Covid-19 u għalhekk kien hemm iktar persuni fi djarhom, ir-rapporti ta’ serq fejn il-persuna kien fid-dar waqt is-serqa ukoll naqsu b’mod konsiderevoli. Minn naħa l-oħra sa’Awwissu kien hemm żieda ta’ 15-il serqa minn persuni armati tant li rdoppjaw minn 15 għal 30.
Intant, f’Awwissu naqsu b’16% ir-reati meta mqabbla mal-istess xahar is-sena li għaddiet u bi 15% meta wieħeq iqabbel l-ewwel tmien xhur tas-sena.
Iż-żidiet l-iktar sinjifikanti fir-rapporti ta’ reati kriminali fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena kienu marbuta mal-vjolenza domestika fejn kien hemm żieda sostanzjali ta’ 146 rapport. Mistoqsi dwar dawn in-numri l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri kien skjett ħafna. “Qabel xejn inkun sodisfatt meta nara li l-ħidma tal-pulizija tħalli l-frott. Qed naħdmu ħafna fuq prevenzjoni u forsi dak hu r-riżultat li l-inqas tikkwantifika, anke jekk dawn in-numri jimlewni b’kuraġġ. Peró rridu nkunu saqajna malart il-ħin kollu,” tenna l-Ministru Camilleri b’ton realistiku konxju ta’ soċjetà li l-ħin kollu tippreżenta sfidi ġodda.
“Jien personali ħarsti ndawwrha fuq fejn għandna l-ikbar sfidi u hemm ukoll qed nieħdu inizjattivi biex nindirizzawhom. Jekk nieħdu l-vjolenza domestika fl-aħħar tliet ġimgħat ħabbarna numru ta’ inizjattivi li bdew jieħdu l-ħajja,” qal il-Ministru Camilleri li fisser kif ma jistax joqgħod lura milli jimmarka wkoll kif l-aħħar xhur urew il-ħila tal-pulizija maltija. Fil-fatt, il-pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali wriet li kapaċi ssolvi wkoll reati mill-iktar kumplessi, inklużi f’każi ta’ qtil li ddominaw l-aħbarijiet.
“Hemm bażi tajba fuqiex nibnu. Qed nieħdu passi importanti fil-Korp tal-Pulizija jinbnew sturtturi u taqsimiet li fl-aħħar mill-aħħar il-frott tagħhom igawdih iċ-ċittadin. Biex iċ-ċittadin jafda lill-korp, il-korp irid jagħti servizz tajjeb u biex jagħtih servizz tajjeb il-korp irid ikun ħa d-deċiżjonijiet tajbin fi ħdanu. Dawk id-deċiżjonijiet għandna l-kuraġġ noħduhom,” qal il-Ministru Camilleri.