Saturday, November 23, 2024

123 tablets u laptops u 132 aċċess għall-internet bla ħlas lil studenti vulnerabbli

Aqra wkoll

Il-Gvern jilqa’ t-talbiet kollha ta’ studenti li qegħdin fuq Skema 9

Miktub Minn Carmen Cachia

Mill-ġurnata tal-għeluq tal-iskejjel sal-lum ingħataw total ta’ 123 tablets u laptops, kif ukoll 132 aċċess għall-internet b’xejn lil studenti vulnerabbli. Dan tħabbar mill-Ministeru tal-Edukazzjoni x-Xogħol, Owen Bonnici, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li fi żmien xahrejn il-Gvern għen madwar 250 familja vulnerabbli f’apparat u aċċess biex l-edukazzjoni tat-tfal f’Malta tkun tista’ tkompli b’suċċess online.

L-edukazzjoni f’pajjiżna ma waqfitx minħabba li l-lezzjonijiet li s-soltu kienu jsiru fil-klassi, issa qegħdin isiru online fid-djar. Wara li f’Marzu li għadda l-iskejjel ingħalqu bħala miżura biex ikun evitat it-tixrid tal-Coronavirus, il-Gvern beda b’inizjattiva għall-istudenti taħt Skema 9 biex jingħataw tablets, laptops u internet bla ħlas. 

Flimkien ma’ dawk l-istudenti minn Skema 9 li applikaw u ngħataw l-għajnuna, il-Ministeru tal-Edukazzjoni bħalissa għandu 40 talba oħra u qiegħed, permezz ta’ bord magħmul apposta, jgħin ukoll familji oħra vulnerabbli li ma jaqgħux taħt Skema 9.

L-għan huwa li l-istudenti kollha f’Malta jingħataw opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni tagħhom. Mingħajr din l-għajnuna, dawn l-istudenti u familji vulnerabbli ma kellhomx aċċess għat-tagħlim virtwali. 

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni rringrazzja lil dawk il-kumpaniji li għamlu donazzjonijiet biex tiżdied l-għajnuna lil dawn l-istudenti fil-bżonn. Il-Ministeru rċieva 60 tablet oħra, laptop u kompjuter biex b’hekk s’issa rċieva total ta’ 95 tablet, erbgħa laptops u seba’ kompjuters, flimkien ma’ donazzjonijiet finanzjarji b’total ta’ €19,130.

Għal dawk il-familji li jixtiequ japplikaw għal din l-għajnuna, jistgħu jċemplu fuq 2598 1000.

Sport