Sunday, October 27, 2024

13-il sena ħabs wara li pprova joqtol qarib tiegħu billi qabbadlu l-appartament

Aqra wkoll

Justin Dimech ta’ 32 sena mill-Gżira ġie kkundannat 13-il sena ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li pprova joqtol qarib tiegħu billi qabbadlu l-bieb tal-kamra tal-banju tiegħu.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Frar 2021, għall-ħabta tas-7.30 a.m. f’residenza fil-Gżira. Il-vittma kien ċempel lill-pulizija biex jirrapporta li Dimech kien żgassalu l-bieb tad-dar u allegatament beda jattakkah. 

Huwa mar jistaħba fil-kamra tal-banju u malli ra dan l-akkużat waddab il-petrol mal-bieb ta’ din il-kamra, qabbdu u wara ħarab minn fuq il-post. Il-vittma kien irnexxielu jaħrab mit-tieqa u ġarrab biss feriti ħfief. L-akkużat kien arrestat f’daru stess fejn kien instab ammont ta’ droga.

Dimech kien tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil, li ta n-nar residenza, għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor u li kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis u l-ecstasy, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa kien akkużat ukoll bil-pussess tad-droga kokaina. 

Għall-ewwel huwa kien wieġeb mhux ħati, iżda f’Lulju li għadda meta Dimech irreġistra ammissjoni dwar l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Kien għalhekk li l-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera sabitu ħati u kkundannatu għal piena ta’ 13-il sena priġunerija flimkie ma’ multa ta’ €25,000. 

Il-Qorti kkundannatu wkoll iħallas €7,571 fi spejjeż tal-Qorti u biex jagħti €1,882 lill-vittma bħala kumpens għall-ħsara mwettqa. 

Sport