Monday, May 13, 2024

Tikber it-tama għal waqfien mill-ġlied u l-ħelsin tal-ostaġġi fil-kunflitt tal-Lvant Nofsani

Aqra wkoll

Skont sorsi qrib il-Hamas, il-Mexxej tal-Hamas Ismail Haniyeh qal li jinsabu qrib li jilħqu ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-kunflitt ma’ Iżrael. Min-naħa ta’ Iżrael iżda ma kien hemm l-ebda aġġornament jew konferma dwar dan.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali jidher li l-ftehim primarjament jista’ jwassal lill-Hamas biex jeħilsu l-ostaġġi li għadhom miżmuma bi bdil mal-ħelsien ta’ Palestinjani miżmuma f’ħabsijiet f’Iżrael.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden diġà kien indika li dalwaqt jista’ jintlaħaq ftehim li permezz tiegħu l-Hamas jeħles ostaġġi minn Gaża bi skambju għal waqfien ta’ kunflitti.

Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li għen biex jiffaċilita ftehimiet preċedenti, kompla qajjem tamiet billi qal li kap tiegħu qed jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Hamas.

Minkejja t-tama qawwija ta’ ftehim, sparaturi għadhom qed jinstemgħu qrib l-isptar Indoneżjan f’Gaża fejn hu stmat li qed jiġu kkurati madwar 500 pazjent.

Skont il-ministeru tas-saħħa ta’ Gaża mmexxi mill-Hamas diġà nqatlu mat-13,300 persuna fit-territorju minn meta Iżrael beda l-attakk tiegħu.

L-Iżrael beda jattakka Gaża wara li militanti tal-Hamas f’attakk sorpriża fis-7 ta’ Ottubru ħasdu lill-Iżrael, qatlu 1,200 Iżraeljan waqt li ħatfu aktar minn 200 ostaġġ ieħor.

Sadanittant, l-armata Iżraeljana qalet li ċirkondat il-belt ta’ Jabalia fit-Tramuntana ta’ Gaża hekk kif il-forzi tagħha huma “lesti għall-fażi li jmiss”.

Sport