Il-manifestazzjonijiet u strajkijiet f’diversi pajjiżi fl-Ewropa fl-aħħar jiem, komplew lbieraħ b’għadd ta’ protesti kbar f’għadd ta’ pajjiżi. Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Portugall u r-Renju Unit, apparti pajjiżi oħra kollha qegħdin jiffaċjaw protesti kbar. Protesti li issa qegħdin jitqiesu bħala li huma moviment li se jwassal għal bidla. Fl-Italja, lbieraħ mhux biss reġa’ kien hemm protesti kbar, fejn ma naqsitx it-tensjoni, talli issa dawk li qegħdin jipprotestaw u l-organizzaturi qegħdin jitolbu għar-riżenja tal-Gvern ta’ Meloni. Fi kliemhom stess, il-bidliet mistnennija ma sarux u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu kompliet sejra għall-agħar, u dan flimkien mal-politika populista tiegħu li qiegħda toħloq mibegħda u rażżiżmu fil-pajjiż. Il-movimenti mhux biss sejħu għar-riżenja, iżda issa qiegħda ssir sejħa biex fit-12 ta’ Diċembru, il-poplu Taljan jinġabar f’Ruma.
Proprju fl-aħħar jiem u anki lbieraħ, il-pjazez madwar l-Italja mtlew b’mewġa dejjem tikber ta’ nies — studenti, żgħażagħ u ħaddiema. Mewġa li ilha għaddejja sa mit-30 ta’ Ottubru. F’din il-ġlieda issa huma poġġew fuq il-mejda dak li issa sar l-għan veru tal-ġlieda: ir-riżenja tal-gvern ta’ Meloni.
Dan huwa, fil-fatt, is-suġġett tad-dimostrazzjoni nazzjonali li se ssir fit-12 ta’ Diċembru f’Ruma, li tnediet waqt l-assemblea fil-Kolossew tal-1 ta’ Novembru, wara l-istrajk ġenerali u l-akkampament tat-30 ta’ Ottubru.
Il-messaġġ qiegħed ikun ċar ħafna. “Il-gvern li jippromwovi l-armamenti u li qed jgħolli l-għoli tal-ħajja tilef kull farka ta’ kredibbiltà fil-pajjiż, quddiem il-kontradizzjonijiet tar-realtà u l-miżuri tal-mistħija li adotta jew daħħal fil-liġi tal-Baġit, li qed ikissru wkoll l-istess maġġoranza tiegħu. Għaldaqstant, għat-12 ta’ Diċembru ġiet imsejħa dimostrazzjoni popolari kbira li qed tqiegħed direttament il-kwistjoni politika tal-mument: ir-riżenja tal-gvern”, qegħdin jiddikjaraw il-protestanti.
L-istrajk ġenerali…..miljun u nofs ruħ f’aktar minn 100 belt Taljaa…b’parteċipazzjoni ta’ 60 fil-mija
L-istrajk ġenerali li sar naar il-Ġimgħa madwar l-Italja wera fejn qiegħed iħabbat il-polz tal-poplu. Strajk li fih hu kkalkulat li kien hemm parteċipazzjoni ta’ 60 fil-mija. Aktar minn 1.5 miljun ruħ niżlu fit-toroq f’għadd ta’ biler Taljani.
“Kienet ġurnata sabiħa ħafna, b’parteċipazzjoni straordinarja.” Hekk ikkummenta s-Segretarju Ġenerali tal-CGIL, Maurizio Landini, dwar il-mobilizzazzjoni li saret nhar il-Ġimgħa fejn miljun u nofs persuna, fosthom ħaddiema, studenti u pensjonanti, ħarġu fit-toroq f’aktar minn 100 belt sabiex jappoġġjaw l-istrajk ġenerali msejjaħ mill-Konfederazzjoni, taħt is-slogan “Il-futur huwa issa”.
Skont l-ewwel informazzjoni li waslet s’issa, il-parteċipazzjoni medja nazzjonali fl-istrajk, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, kienet ta’ 60 fil-mija.
Kif ġie enfasizzat fid-dimostrazzjonijiet kollha, l-istrajk ġie organizzat sabiex jintalab xogħol sigur, dinjituż u mhux prekarju, pagi u pensjonijiet ogħla, sistema tat-taxxa ġusta u progressiva, miżuri kontra l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja, servizz tas-saħħa verament pubbliku, id-dritt għall-edukazzjoni u aċċess għal akkomodazzjoni. Id-dimostranti riedu wkoll jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-paċi u l-oppożizzjoni tagħhom għat-tkabbir fl-armamenti.
“Anke wara ġurnata kbira bħal dik tal-Ġimgħa, jekk ma nirċevux tweġibiet u soluzzjonijiet, mhux se nieqfu. Se nkomplu mexjin ‘il quddiem u nkomplu norganizzaw mobilizzazzjonijiet fit-toroq,” temm jgħid Landini.
Ilbieraħ jum ieħor ta’ protesti
Ilbieraħ kien jum ieħor ta’ protesti, b’xi drabi tensjoni kbira ukoll. Fi Franza kien hemm protesti kontra l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet, il-pagi u l-kundizzjonijiet soċjali, inkluża mobilizzazzjoni tal-Gilets Jaunes. Fil-Ġermanja, żgħażagħ ipprotestaw kontra l-militarizzazzjoni, is-servizz militari obbligatorju u t-tnaqqis fl-edukazzjoni. Fi Spanja, il-Belġju, il-Portugal, il-Greċja u r-Renju Unit, il-mobilizzazzjonijiet kienu jinkludu temi bħall-għoli tal-ħajja, il-klima, il-gwerra u d-drittijiet taż-żgħażagħ.
Fil-Ġermanja protesti kbar minn żgħażagħ li saru vjolenti
Intant fil-Ġermanja, b’mod partikolari f’Berlin saru protesti li spiċċaw fi vjolenza u ġlied mal-forzi tal-ordni. Filfatt mewġa ta’ dimostrazzjonijiet immexxija minn studenti u żgħażagħ infirxet f’aktar minn 70 belt madwar il-Ġermanja fl-aħħar sigħat b’mod partikolari nhar il-Ġimgħa. Skont l-organizzaturi, ħadu sehem madwar 87,000 persuna madwar il-pajjiż. Id-dimostrazzjonijiet saru bi protesta kontra r-riforma tas-servizz militari tal-Bundeswehr, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026.
Skont il-liġi l-ġdida, iċ-ċittadini Ġermaniżi rġiel li jagħlqu 18-il sena (huma obbligati jimlew kwestjonarju ta’ reġistrazzjoni għas-servizz militari. L-eżamijiet mediċi jiffurmaw stadju separat. Madankollu, is-servizz militari nnifsu għadu volontarju u s-sistema tal-lieva, li kienet ġiet sospiża fis-sena 2011, għadha ma ġietx introdotta mill-ġdid.
Id-dimostranti, fosthom studenti tal-iskejjel sekondarji u tal-universitajiet, għajtu slogans kontra t-tisħiħ mill-ġdid tal-armamenti u esprimew il-biża’ li l-lieva obbligatorja tista’ terġa’ tiddaħħal indirettament.
Huma talbu lill-gvern tal-Kanċillier Friedrich Merz biex jidderieġi mill-ġdid l-infiq fuq id-difiża lejn l-edukazzjoni, is-saħħa u inizjattivi relatati mal-klima, filwaqt li jirrevedi l-politiki soċjali tiegħu b’mod aktar wiesa’.
Il-Ministeru tad-Difiża f’Berlin daħħal din ir-riforma bil-għan li jindirizza n-nuqqas kroniku ta’ suldati. L-għan huwa li l-forza militari attiva tiżdied minn madwar 184,000 suldat għal aktar minn 260,000–270,000 sal-2035, sabiex il-Ġermanja tkun tista’ tissodisfa l-impenji tagħha man-NATO.
Madankollu, xi membri parlamentari wissew li jekk ir-reklutaġġ volontarju ma jkunx biżżejjed, tkun meħtieġa azzjoni parlamentari. Il-Ġermanja qiegħda f’sitwazzjoni fejn fuq naħa trid tilħaq l-għanijiet tan-NATO għad-deterrenza militari u t-tisħiħ mill-ġdid tal-armamenti, u fuq in-naħa l-oħra qed tiffaċċja ir-reżistenza ta’ ġenerazzjoni żagħżugħa kif ukoll prijoritajiet finanzjarji oħra, min-naħa l-oħra.
Fejn se jwasslu dawn il-protesti?….x’inhuma x-xenarji ta’ dak li jista’ jseħħ?
Kollox jindika li l-protesti se jibqgħu għaddejjin. Hu mbassar li dawn se jiżdiedu u se jsiru aktar vjolenti. Quddiem dan, tqum il-mistqosija fejn jistgħu jwasslu l-protesti. Hemm erba’ xenarji li qegħdin jiġu indikati bħal dak li jista’ jseħħ fil-jiem li ġejjin.
L-ewwel xenarju hu dak li se jkun hemm aktar strajks u dimostrazzjonijiet. Dawn se jwasslu biex trasport, l-iskejjel u s-servizzi pubbliċi jistgħu jiġu affettwati f’aktar pajjiżi.
It-tieni xenarju hu dak li se jsiru aktar protesti biex tinħoloq aktar pressjoni fuq il-gvernijiet. Dan jista’ jwassal biex xi gvernijiet jistgħu jkollhom jagħmlu konċessjonijiet dwar il-pagi, id-djar u s-servizzi soċjali.
Hemm xenarju ieħor li qiegħed jitqies bħala perikoluż. Dan hu dak li dawn il-protesti jistgħu jwasslu għal żieda fil-partiti estremisti. Filfatt jekk il-gvernijiet ma jirnexxilhomx isolvu l-problemi, partiti populisti kemm tal-lemin kif ukoll tax-xellug jistgħu jiksbu aktar appoġġ f’elezzjonijiet li mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin f’pajjiżi Ewropej.
Tqum ukoll il-possibilità li dawn il-protesti jistgħu jwasslu għal kriżi politika. Hu ċar li f’xi pajjiżi, il-protesti jistgħu jwasslu għal riżenji, elezzjonijiet bikrija jew bidliet fil-gvern.




