“Il-Baġit jonqos milli jindirizza l-emerġenzi soċjali u ekonomiċi ewlenin tal-pajjiż u ma joffri l-ebda soluzzjoni konkreta għall-ħaddiema, għall-pensjonanti jew għaż-żgħażagħ.”
Dan kien il-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tas-CGIL (il-Konfederazzjoni Ġenerali Taljana tax-Xogħol), Maurizio Landini, waqt intervent fi programm televiżiv qabel l-istrajk ġenerali li seħħ ilbieraħ. Hu ikkritika l-baġit li, skontu, “ma jżidx il-pagi, inaqqas il-pensjonijiet u jnaqqas l-infiq fuq is-saħħa”, filwaqt li jonqos milli jindirizza l-problemi li qed jaffettwaw miljuni ta’ persuni.
“Dan il-baġit huwa tant ħażin li anke l-maġġoranza li ressqitu tidher mhux sodisfatta bih, tant li ressqet aktar minn 2,000 emenda biex tipprova tbiddlu,” osserva l-mexxej ta’ CGIL.
Huwa kompla jikkritika n-nuqqas ta’ strateġija għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, filwaqt li enfasizza n-nuqqas tal-Gvern li jindirizza d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw is-setturi industrijali u tal-impjiegi fl-Italja.
L-Italja kienet paralizzata minn strajk ġenerali….tgħid resqin lejn strajk ġenerali mal-Ewropa kollha?
L-Italja lbieraħ kienet litteralment paralizzata minn strajk ġenerali. F’għadd ta’ bliet mifruxin mal-Italja kollha saru manifestazzjonijiet kbar, ewlenin fosthom dawk fil-belt ta’ Bologna. Il-movimenti li bħalissa qegħdin jinżlu fit-toroq f’diversi pajjiżi Ewropej qegħdin ikomplu jżommu r-reżistenza tagħha. Huma qegħdin jippjanaw li jkun hemm strajk ġenerali mal-Ewropa kollha.
Ġlieda kontra l-politika tal-gwerra u tal-awsterità immexxija mill-Gvern ta’ Meloni
L-istrajk li seħħ lbieraħ kien bier jopponi l-politika kontra l-ħaddiema u militaristi immexxija mill-gvern tal-Prim Ministru Giorgia Meloni. Il-ħaddiema fl-industrija, fis-servizzi pubbliċi, fis-settur tas-saħħa u fl-edukazzjoni ġew imsejħin biex jieqfu mix-xogħol. Il-fatt li l-akbar konfederazzjoni sindakali Taljana, is-CGIL, qed issejjaħ għal strajk flimkien ma’ unions oħra, huwa espressjoni tal-oppożizzjoni soċjali u politika enormi għall-gvern ta’ Meloni. Miljuni ta’ ħaddiema u żgħażagħ m’għadhomx lesti jaċċettaw it-tnaqqir tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, iż-żieda fl-armamenti u l-appoġġ għall-gwerer.
L-istrajk huwa parti minn moviment li qed jikber f’diversi pajjiżi Ewropej. F’Settembru u Ottubru tas-sena 2025, il-ħaddiema waqfu mix-xogħol bi protesta kontra l-ġenoċidju Iżraeljan f’Gaża, filwaqt li l-ħaddiema tal-portijiet irrifjutaw li jgħabbu l-armi. Fl-4 ta’ Ottubru, aktar minn miljun persuna ħadu sehem f’dimostrazzjoni f’Ruma. Wara dan kien hemm aktar strajks u protesti. Fit-30 ta’ Ottubru madwar miljun ħaddiem u żagħżugħ ħadu sehem f’azzjonijiet f’70 belt.
Imma l-protesti mhumiex qegħdin isiru biex taparsi saru protesti. Dawk li qegħdin jinżlu fit-toroq qegħdin jittamaw li bil-pressjoni li qegħdin jagħmlu jiddagħajjef il-Gvern ta’ Meloni sal-punt li ma jergħax jingħata l-fiduċja. Fit-toroq qegħdin naraw folol kbar. Hemm rabja obira. Hemm xewqa kbira għal bidla. Il-mistoqsija deċiżiva hija kif din l-oppożizzjoni tista’ tinbidel f’moviment politiku indipendenti, li jkollu l-kapaċità jwaqqa’ lil Meloni.
Parti minn moviment mifrux mal-Ewropa kollha
L-istrajk ġenerali huwa parti minn radikalizzazzjoni internazzjonali tal-klassi tal-ħaddiema u taż-żgħażagħ. Nhar it-Tlieta, 17 ta’ Novembru, xejn inqas minn 500,000 persuna ħadu sehem f’ġurnata nazzjonali ta’ strajks u protesti fi Franza. Fil-11 ta’ Novembru, fi Spanja sar strajk ġenerali u protesti kontra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u fl-ispejjeż tad-djar, li fihom ħadu sehem aktar minn 3 miljun persuna, skont l-organizzaturi. Fil-Greċja tħabbar strajk ieħor fuq livell nazzjonali fis-settur pubbliku għall-25 ta’ Novembru.
Ilbieraħ saru wkoll, għall-ewwel darba, protesti kkoordinati miż-żgħażagħ kontra l-gwerra, is-servizz militari obbligatorju u l-politiki ta’ awsterità f’aktar minn 20 pajjiż. Fil-Ġermanja, aktar minn 120,000 żagħżugħ kienu diġà ħadu sehem fi protesti f’aktar minn 30 belt fil-31 ta’ Ottubru.
Ninsabu ngħixu fi żmien fejn biljuni ta’ ewro qed jiġu allokati għall-gwerra u għat-tkattir tal-armamenti, filwaqt li l-pagi u l-pensjonijiet qed jiġu attakkati, is-servizzi pubbliċi qed jitħallew mingħajr fondi biżżejjed u d-drittijiet demokratiċi qegħdin dejjem jitnaqqru. Kemm jekk il-gvernijiet huma apertament populisti, bħalma huma dak tal-Italja, konservattivi-soċjaldemokratiċi, bħall-Ġermanja, kollha qed iservu l-interessi tal-kapital finanzjarju. Din l-espansjoni internazzjonali oġġettiva tal-ġlieda tal-klassijiet titlob li l-ħaddiema jingħaqdu konxjament lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.
Il-baġit ta’ Meloni għat-tkattir tal-armamenti u t-tnaqqis soċjali
Fl-Italja, din il-kontradizzjoni tidher b’mod partikolarment ċar. Il-baġit għas-sena 2027 jipprevedi aktar fondi għat-tkattir tal-armamenti. In-nefqa tal-Ministeru tad-Difiża mistennija titla’ għal kważi €38.8 biljun. Fl-istess waqt, il-gvern qed inaqqas is-servizzi pubbliċi u n-nefqa soċjali. Kien biss quddiem oppożizzjoni qawwija li ħabbar li se jreġġa’ lura l-pjan biex jitneħħew kważi 7,000 post tax-xogħol fl-iskejjel pubbliċi. Madankollu, il-politika fundamentali ta’ awsterità tibqa’ l-istess.
Skont l-ISTAT, fis-sena 2025 aktar minn 5.4 miljun persuna, fosthom aktar minn 1.1 miljun tifel u tifla, kienu jgħixu f’faqar assolut. Miljuni ta’ ħaddiema bilkemm jifilħu jħallsu l-kera u jixtru l-ikel, kif ukoll ikopru l-ispejjeż tal-enerġija, minkejja li għandhom impjieg.
Meloni qed twieġeb għal din is-sitwazzjoni b’diskorsi nazzjonalistiċi, repressjoni u politika aggressivi tal-gwerra. Ftit jiem ilu sostniet li l-gvern tagħha qed inaqqas it-taxxi u jħalli aktar flus fil-bwiet tat-Taljani, filwaqt li l-oppożizzjoni kienet sempliċement qed targumenta dwar taxxa fuq il-ġid.
Kellna imbagħad lill-Ministru tad-Difiża Guido Crosetto li ħabbar investimenti oħra ta’ biljuni ta’ ewro fil-Parlament, mhux biss fil-gwerra konvenzjonali iżda wkoll f’dik ibrida. “Hemm gwerra waħda biss, u rridu nkunu ppreparati biex niġġielduha f’kull livell,” iddikjara.
Din il-politika hija parti mit-tħejjijiet tal-potenzi Ewropej għal gwerra kontra r-Russja. Fl-istess waqt, l-Italja tappoġġja lil Iżrael u l-ispinta imperjalista tal-Istati Uniti lejn il-gwerra. Il-biljuni li qed jintefqu fuq l-armamenti u l-profitti tal-kumpaniji għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ sfruttament akbar tal-klassi tal-ħaddiema. Quddiem l-oppożizzjoni li qed tikber, il-gvern qed jirrikorri għan-nazzjonaliżmu, miżuri awtoritarji u metodi faxxisti.
Is-CGIL trid iżżomm l-oppożizzjoni taħt kontroll
Quddiem din is-sitwazzoni, it-tmexxija ta’ l-union CGIL sabet ruħha mġiegħla ssejjaħ għal strajk ġenerali. Madankollu, l-għan tagħha mhuwiex il-mobilizzazzjoni indipendenti tal-klassi tal-ħaddiema kontra l-gvern, iżda li tillimita l-oppożizzjoni għal talbiet għal riformi u negozjati.
Dan jidher mill-appell uffiċjali għall-istrajk. Fih jiġu kkritikati l-inflazzjoni, in-nuqqas ta’ finanzjament għas-servizzi pubbliċi u ż-żieda fin-nefqa militari. Madankollu, il-perspettiva tagħha fl-aħħar mill-aħħar tinġabar f’talba għal negozjati u għal “dibattitu ġenwin dwar il-liġi tal-baġit”.
Dan l-aħħar, fit-13 ta’ Novembru, delegazzjoni tas-CGIL ipparteċipat f’taħditiet mal-gvern. Wara l-laqgħa, ir-rappreżentant tagħha Christian Ferrari ddeskriviha bħala “kordjali iżda politikament inutli” u kkonferma l-istrajk.
Minn meta Meloni telgħet fil-poter, is-CGIL organizzat ripetutament strajks ġenerali għal perjodi limitati, li mill-perspettiva tas-sindakati servew biss biex inaqqsu t-tensjoni soċjali, mingħajr ma jheddu b’mod fundamentali l-aġenda tal-lemin ta’ Meloni jew il-politika tat-tkattir tal-armamenti u l-attakki soċjali.
Ma’ dan hemm marbuta mill-qrib l-orjentazzjoni lejn l-oppożizzjoni parlamentari. Fid-dimostrazzjoni tas-CGIL tas-17 ta’ Ottubru, il-mexxejja tal-Partit Demokratiku (PD), Elly Schlein, u tal-Moviment Ħames Stilel (M5S), Giuseppe Conte, kienu fiċ-ċentru tal-avveniment flimkien mal-mexxej tas-CGIL Maurizio Landini.
Dawn il-partiti qed jiġu ppreżentati bħala alternattiva għal Meloni, iżda jirrappreżentaw l-istess interessi ta’ klassi. Il-PD jappoġġja lin-NATO, il-kunsinni tal-armi lill-Ukrajna u l-militarizzazzjoni tal-Ewropa. L-M5S u l-Alleanza tal-Ħodor u x-Xellug (AVS) jikkritikaw aspetti individwali ta’ din il-politika, iżda huma bl-istess mod determinati li jiddefendu l-qafas kapitalista u politika komuni Ewropea tad-difiża.
Bħalissa, dawn il-partiti qed jinnegozjaw programm komuni ta’ gvern għall-Campo largo, alleanza wiesgħa taċ-ċentru-xellug. Is-CGIL trid tidderieġi l-oppożizzjoni tal-klassi tal-ħaddiema lejn din l-alleanza. Madankollu, gvern bħal dan ikompli bl-ispinta lejn il-gwerra u bl-attakki soċjali marbuta magħha, bħalma jagħmlu l-partiti sħab tiegħu f’pajjiżi Ewropej oħra.
Il-limitazzjonijiet tas-sindakati bażiċi
Unions oħrajn għamlu talbiet b’oppożizzjoni għaż-żieda tal-armamenti u għall-ġenoċidju f’Gaża, u għalhekk kisbu appoġġ fost il-ħaddiema u ż-żgħażagħ.
Fid-dikjarazzjoni tagħhom tas-6 ta’ Novembru, il-COBAS sostniet li l-protesti tal-massa ilhom li qabżu l-istadju ta’ rabja dwar ir-reati Iżraeljani u li llum jesprimu kunflitt soċjali u politiku usa’. Huma qed jitolbu pagi ogħla, investiment fis-servizzi pubbliċi u tnaqqis drastiku fin-nefqa militari. Madankollu, il-perspettiva tagħhom tibqa’ limitata għall-pressjoni fuq Meloni biex tirtira mill-pożizzjoni tagħha permezz ta’ strajks nazzjonali u dimostrazzjonijiet.
L-USB tmur lil hinn fir-retorika tagħha. Hija tikkritika lis-sindakati li jfittxu biss aġġustamenti limitati u sejħet għal dimostrazzjoni fit-12 ta’ Diċembru taħt is-slogan “Cacciamo il governo Meloni!” — “Inwarrbu lill-gvern ta’ Meloni!”. Din is-sejħa hija marbuta wkoll mal-oppożizzjoni għat-tkattir tal-armamenti tan-NATO u għall-militarizzazzjoni tal-edukazzjoni.
Iżda l-mistoqsija deċiżiva għadha mingħajr tweġiba: Permezz ta’ liema forza soċjali, b’liema programm u lejn liema għan politiku għandu jitwaqqa’ l-gvern?
Is-sindakati bażiċi lanqas ma joffru tweġiba għal din il-mistoqsija. Id-dgħufija fundamentali tagħhom hija n-nuqqas ta’ strateġija. L-idea li Meloni tista’ tiġi mġiegħla tagħmel konċessjonijiet jew li tista’ tiġi sostitwita minn gvern ieħor twassal għal triq bla ħruġ.




