L-argumenti dwar l-ekonomija ma’ jonqsux. Ilna snin issa għaddejjin b’ekonomija bi tkabbir qawwi. M’hemmx dubju li dan it-tkabbir ikollu l-effett tiegħu. M’hemmx dubju li n-nies ħassew l-effett ta’ dan it-tkabbir. L-ekonomija kibret b’rata qawwija. Kellna qgħad dejjem baxx u ħafna drabi l-inqas fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Rajna investiment privat ukoll qawwi u wieħed konsistenti.
Illum issa qegħdin iqumu l-argumenti dwar mhux kemm se noħolqu aktar impjiegi u kemm se nkabbru ċerti setturi ekonomiċi. Illum l-argumenti li qegħdin isiru u jiġu diskussi huma fejn se jmur il-pajjiż. Il-mistoqsija issa hija kif it-tkabbir ekonomiku se jiġi ġġenerat u sostnut fis-snin li ġejjin. Id-diskussjoni attwali dwar il-politika ekonomika qed tagħti enfasi dejjem akbar lis-setturi ta’ valur miżjud għoli. Il-mistoqsija ewlenija llum mhijiex kemm se tikber l-ekonomija. Il-mistoqsija aktar importanti hija kif se tikber.
Minn dak ippreżentat fl-aħħar baġit joħroġ biċ-ċar li l-ekonomija se tkompli tikber. F’dak il-baġit imma hemm aktar minn hekk. Dak ippreżentat juri il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu ekonomija mibnija fuq attivitajiet ta’ valur miżjud għoli, investiment kapitali u innovazzjoni u teknoloġija avvanzata.
Il-messaġġ ekonomiku llum huwa ċar. Ovvjament mhux se jonqsu l-kontroversji u d-diskussjonijiet. Joħroġ ċar imma li l-messaġġ hu li Malta trid tkompli tattira l-investiment iżda fl-istess ħin tibdel il-mod kif jiġi ġġenerat it-tkabbir ekonomiku. L-enfasi hi li t-tkabbir futur irid dejjem aktar ikun ibbażat fuq produttività ogħla u ħolqien aktar qawwi tal-valur.
Hu fatt ukoll li l-kompetittività futura ta’ Malta se tiddependi dejjem aktar fuq setturi li jikkompetu permezz tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni aktar milli permezz tal-ispiża tal-ħaddiema biss. Dawn jinkludu s-servizzi diġitali, il-manifattura avvanzata, is-servizzi finanzjarji speċjalizzati, il-gaming, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji emerġenti oħra.
Industriji bħal dawn jikkompetu fuq it-talent, il-kwalità, il-kreattività u l-effiċjenza. Għaldaqstant, it-tisħiħ ta’ dawn il-kapaċitajiet għandu jitqies bħala investiment fil-prosperità u r-reżiljenza fit-tul ta’ Malta. Iżda t-teknoloġija waħedha ma tistax twettaq din it-trasformazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies, mhux il-magni, li joħolqu l-produttività. It-teknoloġija tipprovdi l-għodod li jippermettu lin-nies jaħdmu b’mod aktar effettiv. Din id-distinzjoni hija kruċjali. L-istorja ekonomika turi li l-avvanz teknoloġiku mhux bilfors isolvi awtomatikament l-isfidi strutturali.
Waqt li l-infieq domestiku jibqa’ pilastru ewlieni tal-ekonomija, issa qiegħed ikun hemm bidla biex tinbena ekonomija li tkun karatterizzata minn aktar valur miżjud u aktar sostenibbli. Qiegħda ssir enfasi ferm u ferm akbar fuq titjib tal-kwalità tal-ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Nemmnu li din hi tranżizzjoni li Malta trid tħaddan. Dik li l-poplu tagħna jkollu aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja tiegħu. Meta ngħidu dan qegħdin nifhmu il-bilanċ bejn ħajja u xogħol, spazji pubbliċi, u oħrajn. Nemmnu li issa l-pajjiż irid jgħaddi minn ekonomija mmexxija primarjament mill-espansjoni tal-impjiegi għal waħda dejjem aktar imsaħħa mill-effiċjenza, l-innovazzjoni u l-investiment.
Nemmnu li din hi direzzjoni li se tqanqal diskussjoni. L-argumenti dwarha mhux se jonqsu. Nemmnu fermament li finalment l-għan aħħari għandu jkun li jibqa’ jinħoloq il-ġid, u dak l-istess ġid jitqassam b’mod ġust. Dan biex min hu fil-qiegħ jew qiegħed iħoss li nieżel l-isfel, ikun imwieżen u jiġu mgħejjun itejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu.




