Fit-tħejjija tal-Budget, sena wara l-oħra, ingħatat dejjem prijorità lill-ħtiġijiet tal-persuni anzjani. Dan dejjem sar, kif għadu qed isir anki llum, għal raġuni waħda; dik li tkompli tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni li fl-imgħoddi taw kulma setgħu b’ħidmiethom għall-iżvilupp ta’ dan pajjiżna.
Fil-Budget għas-sena d-dieħla rajna t-tkomplija ta’ dan l-għan. Budget miżgħud b’ħemel ta’ miżuri immirati lejn din il-faxxa tas-soċjeta kontemporanja. Fost dawn il-miżuri rajna t-12-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, smajna biż-żieda fil-benefiċċji lill-pensjonanti romol, kif ukoll dik li issa jista jsir it-trasferiment ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet bejn konjuġi. Miżura din li se twassal aktar nisa anzjani lejn li jkollhom għall-ewwel darba f’ħajjithom pensjoni tagħhom.
Fuq kollox iżda, l-impenn għal kwalita ta’ ħajja aħjar għall-anzjani m’għandux jitkejjel biss miz-żidiet finanzjarji li huma jingħataw. Il-kwalità tal-ħajja tfisser ukoll li persuna ta’ eta venerabbli jkollha l-opportunità tibqa’ tgħix bid-dinjità, b’indipendenza u b’serħan il-moħħ li se ssib kull għajnuna li tiġi bżonnha. Tfisser ukoll li kull anzjan u anzjana jkollhom l-opportunita u l-aċċess għal inizjattivi kommunitarji.
Riflessjoni ta’ dan kollu kienet id-diskussjoni li saret nhar l-Erbgħa li għadda fil-bini tal-GWU, li fffukat fuq il-prijorità assoluta li ngħataw il-persuni anzjani fil-Budget 2027. Diskussjoni li kienet organizzata mill-Union Print flimkien mal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU.
Din id-diskussjoni kienet ikkaratteriżżata min-numru ta’ punti interessanti li enfasizzaw it-titjib kollu li sar fis-servizzi li pajjiżna llum joffri għall-anzjani partikularment f’dik li hija anzjanità attiva. Dan ukoll kien rifless f’dak li stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li enfasizza l-importanza li l-pajjiż jagħraf jagħmel użu mit-talenti u mill-esperjenzi tal-anzjani, biex dawn jinżammu attivi fis-soċjetà.
Dan kollu iżda jrid jittieħed f’kuntest li l-popolazzjoni Maltija qed tgħix aktar u qed tixjieħ aktar b’kuntrast mal-fatt li t-twelidijiet qed jonqsu. U t-twelidijiet naqsu b’mod kważi drammatiku li jista jwasslu biex pajjiżna jkollu defiċit f’dik li hija rata ta’ fertilità bil-konsegwenzi koroh kollha li ġġib magħha.
Għalhekk, kif tennejna fi drabi oħra, f’sitwazzjoni bħalma hi din, pajjiżna jkun jaqbillu li persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar, jiġu nkoraġġiti jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Jekk xejn, minbarra li l-anzjanità tibqa verament waħda attiva, tikkontribwixxi wkoll biex tonqos xi ftit il-pressjoni ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.




