Il-Partit Laburista jiżvela dokument b’emendi proposti għall-istatut tal-PN

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista żvela dokument b’emendi proposti għall-istatut tal-PN, liema dokument il-PL qed jgħid li għadda għandu minn persuni fi ħdan il-PN.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministri Jonathan Attard u Glenn Bedingfield ippreżentaw kopja ta’ dan id-dokument lill-midja preżenti, li ntqal li fih track changes tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello.

Huma spjegaw kif fost il-bidliet proposti hemm miżuri li jqajmu tħassib serju dwar min se jkollu verament il-poter ġewwa l-Partit Nazzjonalista, it-tneħħija ta’ salvagwardji importanti u t-tnaqqis fl-iskrutinju intern tal-istess partit.

Dwar l-emendi proposti għall-istatut tal-PN, il-Ministru Attard spjega li fost il-bidliet hemm dik li tirrigwarda l-importanza tal-Viċi Kapijiet, fejn il-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit titla’ għat-tieni l-ogħla pożizzjoni, filwaqt li dik ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament titniżżel għat-tielet post. Żied jgħid li hemm ukoll nuqqas ta’ ċertezza dwar jekk il-ħatra tal-Viċi Kapijiet hix se ssir qabel jew wara l-emendi fl-istatut.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bedingfield spjega li fost l-emendi proposti hemm l-eżenzjoni mid-due diligence għall-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika mill-Eżekuttiv. L-Artikolu 96, li jirrigwarda dawn il-verifiki, ikun estiż ukoll għall-Viċi Kapijiet. Huwa qal li l-emendi proposti jinkludu wkoll tibdil fil-proċeduri u t-tneħħija tas-salvagwardji preżenti f’każijiet dixxiplinarji.

Intqal li skont id-dokument leaked, se jkun hemm kompożizzjoni ferm aktar ristretta għal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hekk kif se jitneħħew il-President tal-Kunsill Ġenerali, iż-żewġ Chairpersons tal-Eżekuttiv u tal-Amministrattiv, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv. B’hekk, il-Kumitat ikun magħmul mill-Kap, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali biss.

Il-Ministri fakkru li quddiem l-isfidi internazzjonali, Malta għandha Gvern Laburista stabbli taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, li qed ikompli jimplimenta miżuri favur il-familji Maltin u Għawdxin. Fost dawn hemm is-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils, iż-żieda fil-pensjonijiet għat-tnax-il sena konsekuttiva, l-irduppjar tat-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema ġenituri, it-tnaqqis fit-taxxa għan-negozji u s-Super Bonus ta’ €1,000 mhux taxxabbli għall-ħaddiema, li minnu jibbenefikaw ukoll dawk li jaħdmu part-time.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport