Kapulavur tal-pittur ċelebri Vincent van Gogh inbiegħ għas-somma rekord ta’ 190.4 miljun dollari nhar l-Erbgħa, wara tilwima bejn il-bejjiegħ u l-werrieta ta’ sid Lhudi li kien biegħ l-istess pittura fi żmien in-Nażiżmu, skont kif stqarret id-dar tal-irkant Sotheby.
Il-pittura magħrufa Chataigniers en fleurs (Siġar tal-Qastan fil-Fjur), li Van Gogh pinġa fl-1890 f’Auvers-sur-Oise, Franza, stabbiliet rekord ġdid għall-artist Olandiż tal-perjodu post-impressionista, u saret l-aktar xogħol tal-arti għali li qatt ġie rkantat s’issa f’dan l-istaġun.
The New York Times irrapportat li William Acquavella, negozjant tal-arti u kap tal-Acquavella Galleries, xtara l-pittura Chataigniers en fleurs.
Ir-rekord preċedenti f’irkant għal pittura ta’ Vincent Van Gogh kien ta’ $117.2 miljun għal pittura tal-1888 Orchard with Cypresses, li nbiegħet għand Christie’s fi New York f’Novembru tal-2022.
Iżda, nhar l-Erbgħa, in-New York Times irrapportat li pittura oħra ta’ Van Gogh tal-1888, Le Zouave, inbiegħet għal madwar $190 miljun fi tranżazzjoni privata permezz ta’ Christie’s, inqas minn sena ilu.
Pubblikatur Ġermaniż influwenti, Samuel Fischer, akkwista l-pittura f’Pariġi fl-1909, u l-familja tiegħu biegħetha fl-1936. L-eredi tiegħu kienu opponew il-bejgħ, billi sostnew li l-familja ta’ Fischer ċediet il-pittura biss minħabba telf finanzjarju li ġarrbet taħt in-Nażisti.
L-avukat tal-eredi, Gunnar Schnabel, talab lil Sotheby’s biex tipprova li l-pittura nbiegħet bil-valur tas-suq tagħha, u li l-familja kienet tbigħha xorta waħda, irrispettivament mill-kuntest politiku.
Skont Sotheby’s, il-familja Blaquier-Arrieta akkwistat il-pittura fl-1975 u żammetha fil-pussess tagħha għal aktar minn nofs seklu.
Iżda nhar it-Tlieta, Sotheby’s ħabbret li ntlaħaq ftehim bejn il-familja Blaquier-Arrieta u d-dixxendenti legali kollha ta’ Hedwig u Samuel Fischer rigward il-bejgħ tal-pittura Chataigniers en fleurs ta’ van Gogh.
Wara l-bejgħ, l-avukat tal-erredi qal lin-New York Times li l-familja tittama li l-interess pubbliku konsiderevoli f’dan il-każ, kif ukoll ir-riżoluzzjoni rapida, ġusta u ekwa tiegħu, jistgħu jservu ta’ inkoraġġiment għal familji oħra li ffaċċjaw persekuzzjoni matul l-era Nażista.




