Mewġa ta’ theddid falz ta’ bombi ħolqot tfixkil f’diversi pajjiżi Ewropej matul l-aħħar xahar, hekk kif aktar minn 8,000 theddida ntbagħtu lil skejjel, ajruporti, linji tal-ajru u istituzzjonijiet oħra.
Skont investigazzjoni tal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, madwar 6,300 skola fl-Italja rċevew messaġġi ta’ theddid fil-11 ta’ Novembru, filwaqt li mijiet ta’ skejjel kellhom jiġu evakwati.
Bejn it-2 u s-6 ta’ Novembru, aktar minn 50 titjira ta’ madwar 15-il linja tal-ajru kienu fil-mira ta’ theddid simili, li wassal għal tfixkil u tibdil fir-rotot ta’ ċerti ajruplani.
L-awtoritajiet Ewropej qed jinvestigaw minn fejn oriġinaw dawn il-messaġġi u jekk kienx hemm azzjoni koordinata warajhom. S’issa, ma ġietx stabbilita b’mod konklużiv l-identità ta’ dawk responsabbli.




