Il-ftehimiet kollettivi li tiffirma l-General Workers’ Union (GWU) jiddeterminaw il-pagi skont il-gradi miftehma. Dan isir b’mod li jassigura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn ħaddiema rġiel u nisa, kif ukoll bejn ħaddiema lokali u barranin.
Dan stqarru s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Kevin Camilleri meta l-Ħamis ħa sehem f’panel ta’ diskussjoni waqt konferenza mtella’ mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fejn elenka l-ħidma tal-GWU fuq il-prinċipju ta’ pagi ugwali għal xogħol tal-istess valur.
L-NCPE organizzat din il-konferenza sabiex tfakkar ukoll il-Jum Ewropew għall-Pagi Ndaqs fid-dawl tal-iżviluppi riċenti relatati mad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi li ġiet trasposta fil-liġi Maltija permezz tal-Avviż Legali 173 tal-2026.
Waqt l-intervent tiegħu, Camilleri enfasizza l-importanza ta’ konferenzi u seminars bħal dawn, li jqajmu aktar għarfien dwar is-suġġett ta’ pagi ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Huwa rrimarka wkoll li t-trade unions għandhom rwol importanti f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jisħaq fuq l-importanza li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema tkun aċċessibbli għal kulħadd, għaliex l-għarfien, flimkien mal-impenn tal-partijiet kollha u l-infurzar tal-liġijiet, huma essenzjali biex ikun hemm ugwaljanza vera fid-dinja tax-xogħol.
Sadanittant, f’diskors li għamlet fil-bidu tal-konferenza, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, l-Onor. Rosianne Cutajar, saħqet li l-Jum Ewropew għall-Paga Ndaqs ifakkarna fl-importanza tal-prinċipju ta’ ‘paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali’, li jibqa’ prijorità ewlenija. Minkejja li f’Malta d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel hija ta’ 4.9%, u għaldaqstant inqas mill-medja tal-UE ta’ 11.1%, għad hemm diskrepanzi f’ċerti setturi.
L-Onor. Cutajar saħqet dwar l-importanza ta’ aktar trasparenza fil-pagi bħala għodda ewlenija biex jiġu indirizzati dawn l-inugwaljanzi, u rreferiet għat-traspożizzjoni bikrija, f’Ġunju ta’ din is-sena, tad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi fil-liġi Maltija. L-Onor. Cutajar semmiet ukoll inizjattivi li jippromwovu l-indipendenza ekonomika tan-nisa li kkontribwew għal parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju tal-NCPE, is-Sa Renee Laiviera, tkellmet dwar id-diversi fatturi li jwasslu għad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Dawn jinkludu s-segregazzjoni bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, l-inugwaljanzi fit-tqassim tar-responsabbiltajiet ta’ kura, in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet tat-tmexxija, kif ukoll id-diskriminazzjoni fil-pagi.
Is-Sa Laiviera spjegat ukoll il-ħidma kontinwa tal-NCPE biex tippromwovi paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u saħqet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi hija pass importanti lejn aktar trasparenza fil-pagi u ugwaljanza bejn il-ġeneri. Taħt il-qafas il-ġdid, l-NCPE ngħatat responsabbiltajiet speċifiċi, fosthom li tassisti lill-impjegati biex jiksbu informazzjoni dwar il-pagi.
