Il-Ministru Clifton Grima fl-estimi tal-Ministeru tiegħu fil-Parlament ddefenda wkoll l-importanza tas-sistema tal-ġuri u saħaq li din hija parti fundamentali mis-sistema demokratika ta’ pajjiżna.
“Ara ma jkunx hawn min jaħseb illi se jintimida lil pajjiżna sabiex b’xi mod inneħħu s-sistema tal-ġuri billi jġibu argumenti fallaċi,” huwa żied jgħid.
Semma kif fl-aħħar tliet snin saru 27 ġuri f’pajjiżna, u f’dawn il-proċessi tressqu 35 persuna. Minn dawn, tmien persuni ġew ikkundannati għal għomor il-ħabs, sebgħa ngħataw sentenza ta’ 20 sena jew aktar, filwaqt li sebgħa oħra ġew illiberati permezz tal-ġuri.
Hawn appella wkoll biex “nieqfu nattakkaw lill-ġurati meta jkun hemm verdett li forsi ma nkunux qed nisennewh. Hemm proċess sħiħ li jrid isir, li jrid jiġi rispettat. Is-sistema tal-ġurijiet hi sistema demokratika li tirrappreżenta dritt sagrosant illi wieħed jiġi ġġudikati mill-ko-ċittadini tiegħu.”
Aktar minn €37 miljun għar-riċerka u l-innovazzjoni
Il-Ministru Grima rrefera wkoll għall-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li ddeskrivieh bħala wieħed li għandu għal qalbu ħafna. Għal dan is-settur ġiet allokata somma ta’ aktar minn €37 miljun, li tirrappreżenta żieda ta’ 8% fuq il-baġit tas-sena preċedenti.
Intant, fl-istess dibattitu intervjena d-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio li fost l-oħrajn tkellem ukoll dwar is-sistema tal-ġurija. Huwa qal li l-Oppożizzjoni taqbel li din is-sistema servietna, fejn dan il-pajjiż għandek ċertu reati gravi li huwa tajjeb li jkollok persuni mis-soċjetà li effettivament jagħtu huma l-ġudizzju fuq il-ħtija jew le tal-istess membru tas-soċjetà tagħhom.
“Noqogħdu attenti ħafna meta niġu u nagħmlu kummenti fuq persuni li jkunu servew ta’ ġurati mingħajr ma napprezzaw u nifhmu li s-sistema tal-ġurija huwa proċess ferm ikber, itwal, aktar usa minn dak li huwa l-verdett.”
“Il-verdett huwa l-konklużjoni ta’ proċess legali twil, importanti, fejn f’kull proċess ikun hemm ħafna persuni oħra li jipparteċipaw fosthom il-prosekuzzjoni, pulizija li jinvestigaw, avukati u l-Imħallef.
“Jista’ jagħti l-każ li tista’ tagħmel fine tuning… meta tiġi biex tagħżel min iservi ta’ ġurat, dwar min jista’ jkun fuq dik il-lista ta’ ġurat, meta tiġi biex tagħmel il-background checks fuq il-ġurati.
“Irridu nifhmu iżda li aħna f’dan il-pajjiż, is-sistema tal-ġurija għandha funzjoni importanti x’taqdi u din il-funzjoni jeħtieġ li ntejbuha u nsaħħuha iżda fuq kollox nissalvagwardjawha,” tenna Dr Giglio.
