Thursday, November 19, 2026
Home Fehmietna Ekonomija li taħdem għan-nies

Ekonomija li taħdem għan-nies

0
18

Is-suċċess ekonomiku ħafna drabi jiġi mkejjel permezz ta’ statistika: it-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), iċ-ċifri tal-impjiegi, il-livelli tal-investiment, id-dħul tal-gvern u l-għoli tal-ħajja. Dawn in-numri tal-istatistika, bla dubju ta’ xejn, huma importanti għalkemm mhux dejjem jirrakkontaw l-istorja sħiħa dwar kif qed taħdem l-ekonomija jew kif in-nies tat-triq qed jesperjenzawha.

L-iskop ta’ ekonomija b’saħħitha, sostenibbli u waħda li tiflaħ għax-xokkijiet għandu jkun li ttejjeb il-ħajja tan-nies, li toħloq l-opportunitajiet u tipprovdi l-istabbiltà u tiżgura li l-prosperità tinqasam b’mod ġust bejn kulħadd, u aktar u aktar li tista’ tilħaq lil dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà.

Huwa fatt li issa ilu magħruf is-snin li l-ekonomija ta’ Malta baqgħet waħda mill-aktar b’saħħithom fost il-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea. Ekonomija kkaratterizzata minn tkabbir mgħaġġel, rata baxxa ta’ qgħad, esportazzjoni qawwija ta’ servizzi u sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi relattivament b’saħħitha.

Tant huwa hekk li l-aħħar tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta huwa xi ftit aktar ottimist dwar it-tkabbir fl-2026 meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tagħha. U dan kollu qed narawh iseħħ b’għajnejna anki jekk il-mudell għat-tkabbir ekonomiku qed jiffaċċja sfidi u pressjonijiet f’xi oqsma kruċjali fosthom il-kobor tal-popolazzjoni, l-infrastruttura, l-affordabbiltà tad-djar u l-produttività tax-xogħol.

B’mod ġenerali, pajjiżna huwa ekonomikament prosperu anki jekk għadu qed jikber. L-isfida iżda hija dejjem fit-trasformazzjoni ta’ dan it-tkabbir f’livelli ta’ għajxien aħjar għall-poplu, infrastruttura sostenibbli u produttività fit-tul.

Huwa propju għalhekk u f’dan il-kuntest li l-progress ekonomiku kontinwu li pajjiżna għaddej minnu huwa konformi għalkollox mal-prinċipju li t-tkabbir ekonomiku m’għandu qatt isir għan fih innifsu.

Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, għaraf sew li l-bażi tal-kejl veru tal-prosperità huwa ekonomija li taħdem għan-nies, ekonomija li toħloq l-opportunitajiet, li tippremja l-isforzi, li tipproteġi l-kwalità tal-ħajja u tħalli lill-ġenerazzjonijiet futuri b’aktar possibbiltajiet, mhux b’inqas. U dan huwa l-għan, kollu kemm hu, tal-Budget għas-sena 2027.

Dawn huma l-ingredjenti kollha li l-Gvern Laburista ta’ issa qed iħaddem sabiex l-ekonomija tkun verament qed taħdem għan-nies, toħloq il-ġid u taħseb ukoll mhux fil-ġenerazzjoni tal-lum biss imma wkoll dawk li għad iridu jiġu.

Dan hu t-tip ta’ suċċess ekonomiku li pajjiżna dejjem fittex f’dawn l-aħħar snin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here