Monday, November 16, 2026
Home Fehmietna Il-ġlieda kontra l-lemin estrem… is-solidarjetà waħda mill-aqwa armi

Il-ġlieda kontra l-lemin estrem… is-solidarjetà waħda mill-aqwa armi

0
34

Kwalità tal-ħajja dejjem sejra lura, pagi ma jlaħħqux mal-inflazzjoni u ekonomija li dejjem qiegħda tistaġna wasslu għal protesti kbar madwar Franza. Protesti li imbagħad kienu segwiti minn azzjonijiet industrijali mal-pajjiż kollu. Dan meta fi żmien qasir fi Franza se ssir l-elezzjoni Presidenzjali.

Skuntentizza li ma tistax ma tistaqsix min se jibbenefika minnha fl-elezzjonijiet li ġejjin. Xi ħadd li jista’ jibbenefika mit-taqlib fit-toroq hi bla dubju ta’ xejn Marine Le Pen, il-wiċċ magħruf tal-populiżmu tal-lemin estrem fl-Ewropa għal ħafna snin. Minkejja tliet tentattivi bla suċċess għall-Presidenza Franċiża — u kundanna għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi, li appellat kontriha — bħalissa tinsab fuq quddiem fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar it-tellieqa Presidenzjali fi Franza, li se ssir fir-Rebbiegħa.

Minn meta bdew il-protesti, l-istħarriġ juri li l-popolarità ta’ Le Pen żdiedet xi ftit. Le Pen issa qed titfa’ t-tort għad-diffikultajiet ekonomiċi u għall-irvellijiet imqanqlin minn persuni li sejħitilhom “ix-xellug estrem”. Dwar il-problemi akbar li qed tiffaċċja Franza, Le Pen, kif ilha tagħmel għal ħafna snin u kif jagħmel dejjem il-lemin estrem, użat it-tattika tal-biża’ u ppuntat lejn l-immigrazzjoni bħala waħda mill-kawżi. Hija argumentat favur it-tkeċċija tal-immigranti li ma jadattawx għas-soċjetà Franċiża, filwaqt li insistiet li Franza hija “l-inqas pajjiż razzist” fid-dinja.

Dikjarazzjonijiet perikolużi immens. 

Dikjarazzjonijiet perikolużi li qegħdin isiru fi żmien meta l-populiżmu u l-lemin estrem qiegħed jgħolli rasu.  Dikjarazzjonijiet populisti saru l-ordni ta’ kuljum fl-Ewropa.

Illum, minħabba l-mod kif politiċi qegħdin jimbuttaw il-populizmu, qegħdin naraw lemin estrem li qiegħed saħħaħ l-għeruq lokali tiegħu. Dak li ġara fi Franza hu ta’ twissija. Twissija li jekk ħadd mhu se jagħti każ, jekk l-estremiżmu u issues li jgħinuh jikber jibqgħu mhux trattati, allura se nkomplu naraw l-estremiżmu jiżdied.

Dak li qiegħed iseħħ fi Franza, jitfa’ responsabbilità kbira ukoll fuq il-partiti u gruppi politiċi oħrajn.  Fadal ftit xhur biss għall-ewwel rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali li jmiss – elezzjoni li fiha l-istħarriġ jindika li l-mexxejja tal-Rassemblement National (RN) , Marine Le Pen, hija l-favorita ewlenija. Hekk kif il-partit konservattiv Les Républicains (LR) qed jiffaċċja pressjoni dejjem tikber mill-lemin estrem, iħoss it-tentazzjoni li jsir aktar radikali fit-tentattiv tiegħu li jerġa’ jirbaħ lill-votanti li tilef.

Għal ħafna din hi strateġija perikoluża. Strateġija li aktar se tgħin lill-lemin estrem. Strateġija żbaljata. Din hi strateġija li minnha nfiha qiegħda tagħti leġittimità lit-temi tal-Rassemblement National (RN). 

Hi ħasra li fi Franza, il-ġlieda kontra l-lemin estrem mhix taħdem. U dan qiegħed iseħħ għax il-forzi politiċi l-oħra mhumjiex jagħmlu l-impatt mistenni.

Il-lemin estrem tiġġilidlu billi jkollok alternattivi politiċi ċari dwar l-ekonomija, is-servizzi pubbliċi, l-immigrazzjoni u kwistjonijiet soċjali, sabiex id-dibattitu jkun ibbażat fuq proposti konkreti. M’hemmx dubju li tiġġilidlu jekk tindirizza l-kawżi ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon. X’qiegħed isir biex tiġi kumbattuta l-għoli tal-ħajja, il-problema kbira rta’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli  fost oħrajn.

Tiġġieled il-lemin estrem billi tikkontesta id-diżinformazzjoni b’fatti verifikabbli u sorsi trasparenti. Tibni koalizzjonijiet demokratiċi ma’ organizzazzjonijiet u gruppi differenti fuq kwistjonijiet fejn hemm qbil. Isaħħaħ il-parteċipazzjoni politika lokali, bħal laqgħat pubbliċi, kampanji komunitarji u edukazzjoni ċivika. Tiġġilidlu billi tipproteġi l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż il-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta’ nies li jipprotestaw b’mod paċifiku. U quddiem dan,  meta wieħed janalizza x’inhu għaddej fi Franza u l-iskuntentizza li hemm,  jara li s-sinjali mhumiex biss ta’ skuntentizza lejn il-ħajja li qegħdin jgħixu imma anke lejn il-politiċi. 

Il-lemin estrem ma tistax tiġġilidlu billi issir populista. Ma’ tiġġilidlux billi tipprova togħġob u tumilja lil gruppi oħra għax ta’ reliġjon jew etniċità differenti. Tiġġilidlu billi tikkumbatti dawn l-ideat, tiddefendi d-demokrazija u tipproteġi d-drittijiet u d-dinjità ta’ kull bniedem.

Il-ġlieda kontra l-lemin estrem mhix biss ġlieda politika; hija wkoll ġlieda kulturali, edukattiva u soċjali. Waħda mill-aqwa armi kontra l-faxxiżmu hi s-solidarjetà. Solidarjetà li donnha qed tgħib mis-soċjetajiet tagħna. Din ma ġġibhiex billi tgħakkes, tumilja. jew tagħmel spettaklu b’nies vulnerabbli kif qiegħed jiġri f’żoni fl-Ewropa. Is-solidarietà – dik li tddefendi gruppi li jiġu mminati minħabba r-razza, ir-reliġjon, l-oriġini jew l-opinjonijiet tagħhom, hi waħda mill-aqwa armi kontra l-faxixżmu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here