It-tielet Ħadd ta’ Novembru ta’ kull sena, huwa ddedikat għat-tfakkira tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Din it-tifkira, għalkemm hi waħda li ġġib magħha swied il-qalb l-aktar minħabba diżgrazzji gravi u xi kultant fatali, għandha sservi wkoll ta’ riflessjoni dwar ir-responsabbiltà li kull wieħed u waħda minna għandu jġorr fit-toroq ta’ pajjiżna.
Ma rridux ninsew li wara kull inċident, hemm persuna. U wara kull persuna hemm familja. Ir-realtajiet jistgħu jkunu diversi u anki l-konsegwenzi tal-inċidenti li mhux dejjem ikunu gravissimi. Madankollu, xorta waħda jistgħu jħallu effetti fiżiċi u psikoloġiċi, diżabbiltà, u konsegwenzi li jibqgħu stampati fl-imħuħ u jinħassu għal tul ta’ żmien.
F’Malta wkoll, il-problema tal-inċidenti tibqa’ realtà li titlob attenzjoni kontinwa. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika matul l-2025 ġew irreġistrati 15,104 inċidenti tat-traffiku. F’dawn l-inċidenti tilfu ħajjithom 18-il persuna, xi wħud minnhom żgħażagħ fil-fjur ta’ ħajjithom.
Dawn huma numri li wieħed għandu jagħti kashom. Dan anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett tas-sigurtà li għandu jkun hemm fit-toroq tagħna. Huwa fatt li t-traffiku f’pajjiżna hu dak li hu iżda bħalma diġà għedna minn dawn il-kolonni, ir-responsabbiltà tas-sigurtà m’għandhiex tkun biss f’idejn l-awtoritajiet biex jiggarantuha iżda anke minn dawk li jsuqu jew jimxu fit-toroq.
Trid tkun responsabbiltà kollettiva. Li dak li jkun iżomm kontinwament mar-regoli partikularment mal-limiti tal-veloċità u l-attenzjoni sabiex ma jsirx sewqan bl-addoċċ jew traskurat.
Il-kampanji jsiru biex jgħallmu lin-nies. Għalhekk napplawdu l-kampanji li minn żmien għal żmien jitfaċċaw, anke fil-perjodi festivi, biex ma jsirx sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew sustanzi oħra. Qatt mhu ġustifikat li biex ma niċċaħħdux minn xi grokk jew tnejn inpoġġu ħajjitna u anki ħajjet ħaddieħor fil-periklu.
Il-ħajja umana ma titħallas b’ebda prezz lanqas id-diżabilità li tibqa’ għal tul l-għomor tal-persuna. Għaldaqstant, kif jgħid il-qawl, il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura, imma biex dan il-prinċipju jipprevali, jinħtieġ l-attenzjoni, il-koperazzjoni u r-responsabbiltà ta’ kulħadd – sewwieqa, passiġġieri u awtoritajiet tal-infurzar. Mingħajr din il-koperazzjoni, jittieħdu kemm jittieħdu miżuri ftit li xejn ikunu jistgħu jħallu riżultati tajbin u kif mixtieq.



