Il-Gvern se jkompli jinvesti f’Korp tal-Pulizija modern u motivat, mgħammar bl-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex jindirizza l-isfidi tal-kriminalità moderna.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Budget 2027 għall-Ministeru tiegħu.
Fost il-proġetti għas-sena d-dieħla hemm it-tlestija tax-xogħlijiet fl-għases tal-Imsida u Ħal Qormi, kif ukoll it-tfassil ta’ proġetti fl-għases tal-Mosta, Tas-Sliema u Raħal Ġdid u faċilità ta’ kustodja f’Għawdex.
Il-Ministru ħabbar ukoll li mistennija tiddaħħal sistema ġdida ta’ speed cameras mill-LESA sabiex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-infurzar fit-toroq.
Fil-qasam tal-Protezzjoni Ċivili, hemm ippjanat il-bini ta’ stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fil-Magħtab u r-rinnovazzjoni tal-istazzjon ta’ Ħal Far.
Prijorità oħra għas-sena d-dieħla hija l-emenda fil-liġi dwar l-Electronic Tagging, sabiex il-ġudikanti jkollhom il-possibbiltà jagħmlu aktar użu minn din is-sistema.
