Jinżamm arrestat wara li allegatament bagħat 314-il messaġġ lill-eks sieħba minkejja ordni ta’ protezzjoni

Aqra wkoll

Raġel ta’ 27 sena nżamm arrestat il-Ġimgħa wara li tressaq il-Qorti akkużat li ffastidja u hedded lill-eks sieħba tiegħu, li allegatament irċeviet 314-il messaġġ mingħandu fuq perjodu ta’ tliet xhur.

Maverick Vella, residenti Ħal Qormi, tressaq il-Qorti wara li l-eks sieħba tiegħu, Jessica Magro, għamlet rapport mal-Pulizija fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fit-18 ta’ Novembru.

Fil-Qorti nstema’ kif it-tnejn kienu ilhom f’relazzjoni għal madwar sentejn qabel ma nfirdu.

Magro rrappurtat li bejn Settembru u Novembru kienet irċeviet 314-il messaġġ mingħand Vella, kif ukoll diversi telefonati. Uħud minn dawn il-komunikazzjonijiet allegatament kienu jinkludu kliem ta’ theddid.

Il-Qorti semgħet ukoll li Vella kien jaf li kien hemm ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tiegħu, maħruġa mill-Maġistrat Nadine Sant Lia f’Awwissu 2026, li kienet għadha fis-seħħ meta allegatament seħħew dawn l-inċidenti.


Arrestat wara rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika


Wara r-rapport ta’ Magro, il-Pulizija bdiet tinvestiga l-allegazzjonijiet u talbet mandat ta’ arrest minħabba l-possibbiltà li l-komunikazzjonijiet kienu qed jiksru l-ordni ta’ protezzjoni eżistenti.

Vella ġie arrestat il-Ħamis, 19 ta’ Novembru, u ġie infurmat bid-drittijiet tiegħu, fosthom id-dritt li jikkonsulta avukat.

Huwa sussegwentement tressaq il-Qorti akkużat b’fastidju, theddid u insulti fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika u ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni.

Skont l-akkużi, ir-reati allegatament seħħew fit-18 ta’ Novembru jew fil-ġranet, ġimgħat u xhur ta’ qabel, fosthom fil-Belt Valletta, Ħal Kirkop u lokalitajiet oħra.

Il-Prosekuzzjoni allegat ukoll li Vella uża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex iwettaq reati jew għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom huma maħsuba.

Vella wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.


Id-Difiża ssostni li l-eks sieħba kienet ukoll tikkuntattjah


Waqt it-tressiq, id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni opponiet it-talba, fost oħrajn minħabba li l-allegata vittma kienet għadha ma xehditx.

Id-Difiża kkontestat l-argumenti tal-Prosekuzzjoni u sostniet li l-komunikazzjoni bejn Vella u Magro ma kinitx ġejja minn naħa waħda biss.

L-avukata tad-Difiża argumentat li l-eks sieħba kienet ukoll tibgħat messaġġi lil Vella, u saħansitra kienet titolbu biex jiltaqa’ magħha.

Waqt is-sottomissjonijiet tagħha, l-avukata qajmet ukoll tħassib dwar dak li ddeskriviet bħala użu ħażin ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni f’ċerti każijiet ta’ tilwim domestiku.

Hija sostniet li qed jidhru aktar każijiet fejn nisa jużaw dawn l-ordnijiet bħala arma kontra l-eks sħab tagħhom.

Skont id-Difiża, ordnijiet bħal dawn m’għandhomx jintużaw b’mod selettiv jew bħala mezz ta’ pressjoni f’tilwim personali.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni żammet l-oġġezzjoni tagħha għall-ħelsien mill-arrest, partikolarment minħabba li Magro kienet għadha ma tatx ix-xhieda tagħha.

Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Vella jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni oħra favur Magro, minbarra dik li kienet diġà fis-seħħ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport